Lokali Qorti

Tkompli il-kumpilazzjoni ta’ Erin Tanti

Il-Ġimgħa kompliet il-kumpilazzjon ta’ Erin Tanti, mixli bil-qtil ta’ Lisa Marie Zahra. Każ li jmur lura għal Marzu tas-sena l-oħra.

Erin Tanti ta’ 23 sena qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Lisa Marie Zahra, l-istudenta tiegħu tad-drama, u li għenha tikkommetti suwiċidju. Zahra kienet instabet mejta taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fid-19 ta’ Marzu tal-2014.

Iżda waqt li l-Ġimgħa kienet qed tagħti x-xiedha tagħha, għalliema tal-matamentika ta’ Lisa Marie, l-Avukat Michael Scriha li flimkien ma’ l-Avukat Lucio Sciriha qed jidher għal Erin Tanti kkonfronta lix-xhud wara li din qalet li ma tistax tifhem, kif hi ħasset daqstant għall-mewt ta’ Lisa Marie Zahra, meta din qalet, “ma nistax nifhem kif dan Cliff Dingli” u waqqfet hemm.

L-Avukat Sciriha f’hin minnhom oġġezzjona għax-xhieda tal-għalliema Marlene Bugeja, u staqsa għar-relevanza tax-xhieda tagħha. Skont id-difiża, t-tweġibiet u t-tonalita’ tagħha ma kienux flokhom.

Fix-xhieda tagħha Marlene Bugeja, ddeskriviet lil Lisa bħala persuna ferriħija u intelliġenti ħafna. Ix-xhud qalet li l-vittma kienet tfajla sensittiva u qalbha tajba. L-għalliema qalet ukoll li l-aħħar lezzjoni ma’ Lisa kienet il-Ħadd ta’ qabel it-traġedja. Spjegat li dakinhar tat-traġedja, Lisa kellha lezzjoni fit-3p.m iżda Lisa Marie ma marritx. Minkejja li bdiet tipprova ċċemplilha, ma setgħetx taqbadha.

L-għalliema kompliet tgħid li tiftakar li fis-7p.m. kienet cemplitilha waħda mill-istudenti u qaltilha li sabu lil Lisa mejta.

Wara xehed James Muscat, ħabib ta’ Erin Tanti. Qal li ilu jaf lil Erin Tanti tliet snin u li kien ħabib tiegħu u anke kienu jaħdmu fuq proġetti marbuta mat-teatru. Muscat qal li Tanti kien qallu li iħobb lil Lisa Marie u li huwa miġnun fuqha. Qal ukoll li Erin kien jgħid li t-tfajla tiegħu għandha 17-il sena u dieħla għal-18.

Fil-Qorti gew ippreżentati r-ritratti tal-katavru ta’ Lisa Maria Zahra hekk kif ittellgħet mill-irdum u dawk li ttieħdu waqt l-awtopsja

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Josric Mifsud filwaqt li l-Avukat Gianella Demarco, Joseph Giglio u Stephen Tonna Lowell qegħdin jidhru bhala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma.