Lokali

Tkompli l-kritika dwar il-proposta tal-gvern għal monti fil-Belt

Ikomplu jikbru l-vuċijiet kontra l-monti bejn il-bini tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal. Mhux biss kontra d-disinn tal-gabbani, kundannati b’mod unanimu għall-kruha tagħhom, iżda wkoll dwar il-post tagħhom.

Il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil, fuq twitter, iddikjara li l-kultura dejjem tirbaħ fuq il-medjokrita’. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-monti tal-Belt Valletta ma jibqgħux fejn ikerrħu l-proġett ta’ Piano.

Il-President ta’ Din l-Art Ħelwa Simone Mizzi, is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli, ic-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef u l-Ministru tal-Eknomija u l-Intrapriżi Żgħar Chris Cardona esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom dwar il-monti.

F’kummenti ma’ Timesofmalta, kemm Simone Mizzi, Alexiei Dingli u Jason Micallef ikkritikaw kemm id-disinn tal-gabbani tal-monti kif ukoll il-post fi Triq l-Ordinanza bejn il-Parlament u t-Teatru Rjal. Kemm Alexiei Dingli u Jason Micallef ilmentaw minn nuqqas ta’ konsultazzjoni.

Anki ċ-Chairman tal-Kumitat tar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta, Kenneth Zammit Tabona, kellu reazzjoni negattiva għall-gabbani u l-post tal-monti waqt intervent fuq Radju Malta.

Min-naħa l-oħra il-Ministru Chris Cardona qal li dawk il-gabbani se jkunu mtejjba fuq livell estetiku. Jekk le, dawn jintużaw f’xi monti ieħor ‘il barra mill-Belt Valletta. Ix-xogħol fuq dawn il-75 gabbana ilu għaddej minn Novembru.

Bħalma ġara f’każi oħrajn f’dawn l-aħħar, iffaċċjat mill-kritika kważi unanima, l-Prim Ministru Joseph Muscat intervjena u qal li l-gabbani se jinbidlu.

Iżda Muscat baqa jinsisti li l-monti se jibqa’ fi Triq l-Ordinanza, kif miftiehem mas-sidien tal-monti qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Kien il-Ministru Chris Cardona stess, waqt intervent fuq il-programm TVAM f’Mejju 2013, li kkonferma li kienet saret wegħda mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni biex il-monti jiċċaqlaq lejn Triq l-Ordinanza.

Sadanittant, inbdiet petizzjoni fuq Facebook mill-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef kontra d-disinn tal-gabbani u l-post propost għall-monti tal-Belt Valletta. Paġna li fi ftit sigħat attirat iktar minn 1,400 like u li marret lil hinn mid-differenzi lokali, bl-appoġġ tal-Viċi Sindku tal-Furjana Matthew Paris. Christian Micallef għamilha ċara li din il-paġna mhux waħda ta’ natura politika u fil-fatt, il-paġna sabet ukoll l-appoġġ mill-kamp politiku oppost fosthom iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Ideat Aaron Farrugia.