Għawdex Lokali

Ikompli l-programm ta’ ħidma tal-FOIPN f’Għawdex

Il-Gvern għadu ma tax risposta lill-Oppożizzjoni dwar meta se jibda x-xogħol fuq il-pixxina f’Għawdex, pixxina li għaliha hemm kollox lest, u li tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għall-persuni b’diżabilita’ f’Għawdex.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilita Robert Cutajar qal dan meta kien qed jindirizza konferenza organizzata mill-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Waqt il-konferenza‘Nisimghukom b’kull mod’, ipparteċipaw numru ta’ rappreżentanti ta’ entitajiet u għaqdiet li joperaw fis-settur tal-persuni b’diżabilita’ f’Għawdex.

Il-konferenza hija parti minn programm ta’ ħidma tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista, programm li jinkludi wkoll proposta li se tkun qed titressaq ‘il quddiem fil-Parlament mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita, il-KNPD, ssir entita’ awtonoma u maqtugħa mill-Gvern… u dan biex tkun tista’ tiffunzjona bħala regolatur li taħdem mingħajr xkiel f’dan il-qasam tant importanti.

Għall-konferenza attendew ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Ryan Mercieca.