Fi stqarrija il-Malta Humanist Association saħqet li li bħala għaqda umanista hija tinstab konċernata ħafna dwar l-ambjent li fih lkoll ngħixu. L-għaqda saħqet li l-istaġun tal-passa tar-rebbiegħa huwa l-istadju ta’ qabel tal-aħħar fiċ-ċiklu annwali ta’ għasfur. Huwa jkun ġej lura mill-Afrika lejn l-Ewropa biex ibejjet. Mhux kull għasfur jirnexxielu jasal s’hawn sostniet l-istqarrija. Uħud jinqatlu minn annimali oħra jew imutu minn xi kawża oħra. Dawk li rnexxielhom jgħixu jkunu taru eluf ta’ kilometri u issa qegħdin fl-aħħar parti ta’ vjaġġ twil qabel jaslu fl-artijiet fejn ibejtu fl-Ewropa.
L-istqarrija tgħid li toqtol għasafar eżatt qabel dawn jipproduċu l-ġenerazzjoni li jmiss tmur kontra kull prinċipju ta’ sostenibbiltà. Apparti l-impatt dirett tal-kaċċa fuq il-gamiem u s-summien, huwa fatt sfortunat li l-istaġun tal-kaċċa jservi biex jgħatti lil dawk il-kaċċaturi li jispara fuq kull ma jaraw, kif ukoll il-fatt l-Maltin ma jitħallewx jidħlu fil-kampanja minħabba l-attivitajiet tal-kaċċa tkompli żżid l-istqarrija.
Il-Malta Humanist Association għalhekk ħeġġet lil kulħadd, inkluż il-kaċċaturi, ” biex jivvotaw b’ħarsithom fuq il-futur tal-popolazzjonijiet tal-għasafar, u jivvotaw “Le” għall-kaċċa fir-rebbiegħa nhar il-ħdax t’April”.
Minn naħa l-oħra f’laqgħa straordinarja tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet tas-Sajjieda Dilettanti l-federazzjoni ddeċidiet li tħeġġeġ lill-membri tal-għaqdiet affiljati magħha biex jivvotaw iva fir-referendum dwar id-deroga tal-UE li tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Federazzjoni saħqet li, bħalma qed isir referendum dwar id-delizzju tal-kaċċa, ‘il quddiem ikunu jistgħu jinġabru firem biex isiru referenda dwar passatempi oħra, inkluż dak tas-sajd rikreazzjonali.
//= $special ?>