Wara ġimgħat sħaħ ta’ pressjoni dejjem tikber għall-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel li qed iħallsu l-familji u n-negozji Maltin, il-Gvern sa fl-aħħar iċċaqlaq.
U fi stqarrija, qal li minn nhar it-Tnejn, il-prezz tal-petrol u d-diesel se jonqos b’4 ċenteżmi kull litru, minn ewro u 42 ċenteżmu għal ewro u 38 ċenteżmu kull litru għall-petrol u minn ewro u 35 ċenteżmu għal ewro u 31 ċenteżmu għal kull litru diesel.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa qal li dan wasal għax din il-ġimgħa, il-kumpanija Enemed għalqet numru ta’ tranżazzjonijiet.
Immedjata r-reazzjoni tal-Opposizzjoni, li sejħet dan ir-roħs bħala daħk fil-wiċċ. Dan għaliex dan it-tnaqqis ma jirriflettix verament il-prezzijiet li qed iħallsu familji u negozji fl-Unjoni Ewropea u minkejja r-roħs li se jidħol fis-seħħ it-Tnejn, il-familji u n-negozji Maltin se jibqgħu iħallsu r-raba l-ogħla prezz għall-petrol u d-diesel fl-Ewropa.
Il-PN qal li huwa ovvji li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni biss għaliex ma felaħx iktar għall-pressjoni li għamlitlu l-Opposizzjoni u mhux għax veru ried iraħħashom. Id-deċiżjoni tal-lum tikkonferma kemm l-Opposizzjoni għandha raġun tibqa’ tinsisti biex il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jorħsu.
//= $special ?>