Żomm mal-wegħda li saret qabel l-elezzjoni, jiġifieri li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta ma’ jiġux mittiefsa. Dan huwa l-appell tal-Union Ħaddiema Maqgħudin lil Prim Ministru fi stqarrija li ħarġet l-istess UĦM. Stqarrija li fiha il-UĦM spjegat li kellha laqgħa urġenti mal-maniġment tal-Enemalta peress li numru ta’ ħaddiema membri tal-UĦM ingħataw transfers mingħajr ebda konsultazzjoni u saħansitra kontra l-ftehim kollettiv.
L-istqarrija spjegat li l-maniġment insista li dawn il ħaddiema għandhom jiġu trasferiti minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Frar iżda għall-UĦM dan ma’ kienx aċċettabli għax il-ħaddiema għandhom jingħataw ħin xieraq biex jevalwaw sew kif ser jaffetwawhom it-transfers. Il-UĦM għamlitha ċara lill-maniġment li jekk mhux ser jingħata dan il-ħin, il-union kienet se toħrog direttivi lill-membri tagħha biex ma jaċċettawx it-transfers. Fid-dawl ta’ dan kollu, intlaħaq qbil li t-tranfers ma jsirux sakemm il-membri tal-UĦM jkunu jistgħu jiddiskutu l-kundizzjonijiet tax-xogħol mal-union tagħhom.
Il-UĦM oġġezzjonat ukoll għall-kliem qarrieqi li qed juża l-maniġment tal-Enemalta fl-ittri ta’ trasferiment li qed jingħataw lill-ħaddiema. Din l-ittra tgħid, “Għandi pjaċir ninfurmak li l-Engineering Resources Ltd laqgħet it-talba sabiex inti tiġi ssekondat”. Il-UĦM tisħaq li l-ebda membru tagħha m’għamel talba biex jiġi trasferit jew sekondat. Għal dan, il-maniġment dawwar il-kliem u qal li t-talba tat-trasferiment kienet saret mill-Enemalta plc u mhux mill-ħaddiema. Fl-isfond ta’ dan kollu, il-UĦM qegħda tesiġi li l-Enemalta u l-Engineereng Resources Ltd ma jibqgħux iqarrqu bil-ħaddiema u jkunu ċari fl-ittri ta trasferimenti li qed jinħarġu.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-UĦM qed tikkunsidra wkoll il-mezzi kollha disponibbli għaliha skond il-liġi sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema ta’ l-Enemalta u l familji tagħhom.
//= $special ?>