Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2014 organizzat mill-Moviment Kerygma din is-sena intrebaħ mill-Youth Alive Foundation minn Marsascala.
Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mis-Sur Edgar Preca, li kien qed jirrapreżenta lil President ta’ Malta, fi tmiem ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat.
“Youth Alive Foundation hija organizzazzjoni ta’ voluntiera żgħażagħ li taf il-bidu tagħha bl-isem Youth Alive lura fl-1996 fi ħdan il-komunità parrokkjali ‘Madonna tas-Sacro Cuor’ f’Tas-Sliema. Il-ħidma ewlenija tagħha dejjem kienet il-formazzjoni taż-żgħażagħ permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-komunità mibnija fuq sisien sodi ta’ katekeżi tal-Kelma t’Alla u l-ispiritwalità Franġiskana. F’Awwissu 2007, Youth Alive ġiet stabbilita bħala fondazzjoni, biċ-ċentru tagħha “Dar Frate Jacoba” ġewwa Wied il-Għajn, liema dar kienet ingħatatilhom b’donazzjoni minn żewġ nisa ta’ qalb kbira u ġeneruża. Din id-dar tikkonsisti f’razzett antik ta’ 200 sena u raba madwarha ta’ numru ta’ tmiem.
Din id-Dar tilqa’ fi ħdanha żgħażagħ għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, li sikwit jirreferu għalihom bħala ‘każijiet soċjali’ u li jkunu bla dar. Dawn iż-żgħażagħ jgħixu flimkien mar-residenti bil-għan li jkunu parti mill-komunità.
Is-Sur Preca feraħ lir-rebbieħ u lin-nominati l-oħrajn. Huwa stqarr li, li tkun nisrani llum huwa diffiċli ħafna kif jidher minn dak li għaddej f’pajjiżi oħra fejn insara qed jiġu mmassakrati kuljum. F’Malta wkoll li tkun nisrani ma għadiex moda. Madankollu dan mhux iżommhu milli juri t-twemmin tiegħu anki fil-postijiet pubbliċi. It-talb huwa importanti ħafna. Huwa qal li sfortunatament il-midja prattikament dejjem tagħti aktar importanza lin-negattiv taż-żgħażagħ, bħal meta huma jieħdu d-droga imma ma jagħmlux l-istess ħaġa biex jippromwovu żgħażagħ oħra, tant tajba, u l-ġid li qed jagħmlu fis-soċjetà. Il-ħames nominati huma eżempju eċċellenti ta’ dan.
//= $special ?>