L-eks President tal-Ġermanja Richard von Weizsäcker miet f’Berlin illum fl-età ta’ 94 sena.
Minbarra li kien kap ta’ stat għal għaxar snin, bejn l-1984 u l-1994, Weizsäcker kien is-Sindku ta’ Berlin mill-1981 sal-1984.
Weizsäcker, li ngħaqad mad-Demokratiċi Kristjani (CDU) fl-1954, kien membru tal-Kumitat Eżekuttiv Federali fi ħdan is-CDU mill-1966 sakemm sar President fl-1984.
Bħala president, hu kien irċieva rikonoxximent internazzjonali għal diskors li kien għamel fit-8 ta’ Mejju, 1985 – l-40 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn kien fisser Jum ir-Rebħa fl-Ewropa bħala “l-jum tal-ħelsien mis-sistema inumana tan-Nażismu.”
Meta kien president, Richard von Weizsäcker ra r-rijunifikazzjoni tal-Ġermanja fit-3 ta’ Ottubru, 1990 bl-unjoni ta’ dik li kienet il-Ġermanja tal-Lvant u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (il-Ġermanja tal-Punent).
//= $special ?>