Lokali

FILMAT: Konferma li l-electric scooters mhux permessi fuq tal-linja

Persuni li jużaw eletric scooters mhux se jitħallew jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja. Ikkonferma dan id-Direttur ta’ Autobuses de Leon Felipe Cosmen li qal li din hi policy li l-kumpanija sabet u mhux se tbiddel.

Din l-istqarrija tasal l-għada li dan is-sit xandar intervista ma’ Alma Renate Helga, Ġermaniża ta’ 76 sena li ordnawlha tinżel minn tal-linja għax tuża scooter tal-elettriku.

Dan minħabba problemi ta’ saħħa tant gravi li meta t-tabib tagħha ra l-X-rays baqa’ xxukkjat. U hi ma tistax tiġi operata.

Dan ifisser li Alma, li kienet tuża tal-linja kuljum biex iddur Malta, issa spiċċat kostretta li tqatta’ ħajjitha kollha f’Malta jew maqfula fl-appartament tagħha jew inkella ddur biss fil-madwar ta’ San Pawl il-Baħar fejn tgħix.

Fl-intervista li tat lil dan is-sit, Alma, li tkun Malta kważi s-sena kollha, kienet qalet li jekk din id-deċiżjoni tippersisti, hi se tmur tgħix fi Sqallija minflok.

U hekk kif ftit tal-ġimgħat oħra tmur lura f’pajjiżha, il-Ġermanja għal xi ġimgħat, hi se tkun qed tagħmel ukoll kuntatt mal-midja lokali biex taqsam l-esperjenza tagħha.

Dwar dan il-każ diġa’ rreaġixxiet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilta’, biċ-Chairman Oliver Scicluna jitlob laqgħa mal-kumpanija Autobuses de Leon.

Spjega kif minn riċerka tiegħu sab li f’pajjiżi oħra jitħallew jitilgħu scooters li huma inqas minn Class 3 u li ma joħolqux inkonvenjent għas-saħħa u s-sigurta’ tal-passiġġieri l-oħra.

Għamilha ċara wkoll li persuni li jużaw wheelchairs elettroniċi mhux affettwati minn din il-policy.

Segwi l-intervista ma’ Alma hawn.