L-Oppożizzjoni qed titlob li l-prezzijiet tal-fuels f’Malta jonqsu immedjatament u sostanzjalment. Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hekk kif illum l-Oppożizzjoni qed tiltaqa’ mal-imsieħba socjali.
Simon Busuttil qal li ma jistax jifhem kif il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi se jiltaqa’ mal-MCESD biss fid-9 ta’ Frar li ġej, ġimgħatejn oħra, meta l-prezzijiet esaġerati u mingħajr ebda raġuni u ġustifikazzjoni tal-fuels qed jaffettwaw negattivament kemm lin-negozji Maltin u lill-familji.
Kompla li l-Oppożizzjoni qed tippretendi roħs sostanzjali, u mhux ċenteżmu jew tnejn, għaliex meta wieħed iħares lejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jsib li hemm pajjiżi li saħansitra qed ibiegħu l-fuel għal 49 ċenteżmu inqas minn Malta.
Fakkar kif l-Oppożizzjoni ma rċeviet l-ebda risposta mill-Gvern għal talba li din il kwistjoni titpoġġa fuq l-aġenda tal-Parlament. Madankollu sostna li jekk il-Gvern jibqa’ jinjora din it-talba, l-Oppożizzjoni se tinsisti li l-Ħamis jitlaqqa’ Parlament biex tiġi diskussa dakinhar din il-mozzjoni.
Matul din il-laqgħa saret prezentazzjoni mix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport Marthese Portelli li matulha uriet il-fatti u ċifri tal-pajjiżi stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Dan bl-għan li l-imsieħba soċjali, li din il-ġimgħa talbu li tiġi diskussa l-kwistjoni quddiem l-MCESD, ikunu nfurmati dwar il-prezzijiet tal-fuels f’Malta.
Minn din il-preżentazzjoni ħareġ biċ-ċar kif kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea raħħas il-prezz kemm tad-diesel kif ukoll tal-petrol mill-2011 sa llum, ħlief Malta li għolliet b’ċenteżmu l-prezz minn dak li kien fl-2011. Dan minkejja li internazzjonalment, il-prezz tal-fuels naqas drastikament.
Marthese Portelli spjegat li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li l-prezzijiet tal-fuels iridu jorħsu immedjatament għat-tgawdija tal-konsumatur u n-negozji. Dan għaliex it-tnaqqis drastiku fil-prezz internazzjonali matul l-aħħar xhur, b’pajjiżi li qed ibiegħhu fuel taħt l-Ewro qed joħloq nuqqas ta’ kompetittivita’ u jżid il-piż fuq il-familji.
Fi tmiem il-laqgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fakkar li l-Gvern xejn ma kellu reazzjoni eleganti għat-talbiet tal-Oppożizzjoni li jorħsu l-prezzijiet tal-fuels imma Simon Busuttil wiegħed li l-Oppożizzjoni se tibqa tinsisti sakemm jirbaħ is-sens komun.
Hu appella wkoll li l-imsieħba soċjali jiddiskutu l-prezzijiet esaġerati f’Malta, l-impatt tagħhom fuq in-negozju u l-familji u li bis-saħħa tagħhom id-diskussjoni twassal għal soluzzjoni.
Matul din il-laqgħa, li għaliha attendew l-imsieħba soċjali kollha ħlief il-General Workers Union li rrifjutat l-istedina tal-Oppożizzjoni, kienu preżenti wkoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u Mario Demarco kif ukoll il-Kelliema u Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi, Claudio Grech u Clyde Puli.
//= $special ?>

