Internazzjonali Unjoni Ewropea

Merkel teskludi maħfra finanzjarja għall-Greċja

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel eskludiet kull possibilita’ li d-dejn tal-Ġreċja jinħafer. F’intervista fuq gazzetta Ġermaniża Merkel saħqet li banek u kredituri kienu diġa taw maħfriet sostanzjali. Saħqet madankollu li hija trid li l-Greċja tibqa fiż-żona Ewro. “L-għan tal-politika tagħna kienet u tibqa’ li l-Ġreċja tibqa’ parti miż-żona Ewro; l-Ewropa ser tibqa’ turi solidarjeta’ mal-Greċja bħalma tagħmel ma’ kull pajjiż milqut minn kriżi jekk dawn il-pajjiżi jagħmel ir-riformi meħtieġa u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu l-ispiża nazzjonali”.

Il-gvern ġdid Grieg mmexxi mill-partit xellugi Syriza ġie elett bl-għajta li kien ser iwassal sabiex jinħafer id-dejn tal-Ġreċja u b’hekk jiġu fi tmiem il-miżuri ta’ awsterita’.

Intant anke l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji Pierre Moscovici saħaq li l-Greċja trid tonora dak li ftehmet għalih fil-passat filwaqt li saħaq li x-xewqa tiegħu hija li l-Greċja tibqa’ parti mill-Ewro.