Studju ppubblikat mill-grupp ‘Spring Hunting Out’, Shout, juri kif minħabba l-kaċċa fir-rebbiegħa, il-kaċċaturi Maltin itellfu mal-190,000 cans li jfaqqsu għasafar.
L-istudju ġie ppreżentat waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-attivista favur id-drittijiet tal-annimali Moira Delia u minn Mark Sultana, membri ta’ Shout, u entużjast tal-għasafar.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fir-riserva naturali fl-Għadira, Moira Delia tkellmet dwar l-effetti negattivi tal-kaċċa fir-rebbiegħa, filwaqt li saħqet li kull sena jintilfu 190,000 ċans li jfaqqsu bajd tal-għasafar minħabba l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta.
Min-naħa tiegħu, Mark Sultana tkellem dwar il-benefiċċji li jintemm il-kaċċa fir-rebbiegħa u saħaq li b’hekk il-poplu Malti jkun jista’ jingħata lura l-ambjent li jistħoqqlu li jgawdi, filwaqt li qal li l-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien u l-gamiem qed iservi bħala paraventu għal kaċċa illegali ta’ speċi oħra protetti bil-liġi.
Huma qalu li minkejja l-limiti fuq il-kaċċa tal-gammiem u s-summien, il-kaċċaturi joqtlu ħafna aktar għasafar minn kemm suppost, filwaqt li dan kollu jaffettwa l-popolazzjoni b’mod ġenerali ta’ dawn l-ispeċi.
Ir-rappreżentanti ta’ Shout esprimew sodisfazzjon għall-opinjoni legali li ta l-Imħallef Giovanni Bonello dwar il-mod kif fil-futur ma jista jsir l-ebda referendum biex jitwaqqaf xi delizzju ta’ xi minoranza.
Intant, fi stqarrija, l-Għaqda Kaċċaturi San Umbertu qalu li l-figuri mogħtija mill-grupp Shout dwar il-popolazzjoni tal-gammiem u s-summien m’humiex minnhom, filwaqt li d-deroga u l-kwota maqbula mal-Kummissjoni Ewropea għall-kaċċa tal-gamiem u s-summien hija kkunsidrata bħala waħda sostenibbli meta kkumparata mal-popolazzjoni ta’ dawn iż-żewġ speċi.
//= $special ?>