Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza Saħħa Pubblika fi stqarrija qal li wara informazzjoni li rċieva dan id-Direttorat permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf, il-prodott Tribusteron 90, li huwa suppliment tal-ikel tad-ditta Olimp Sport Nutrition m’għandux jiġi kkunsmat minħabba l-preżenza tas-sustanza mhux awtorizzata Tetrahydrocanabinol (THC) fl-istess prodott.
In-Numru tal-Lott in kwistjoni huwa L00500813 u tinvolvi kaxxa tal-kartun ta’ 77.4 gramma b’120 kapsula.
Il-kumpanija involuta ġiet obbligata tirtira din il-konsenja mis-suq, iżda peress li rrapurtat li l-konsenja ma nġabritx kollha, bħal ma jsir f’dawn il-każijiet, id-Direttorat saħaq li huwa obbligat li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq in-numru tat-telefon 21337333 mit-8:00 ta’ filgħodu sas-2:30 ta’ waranofsinhar jew jibgħat email fuq mhi@gov.mt.
//= $special ?>