Futbol Sport

Balzan jagħtu gambetta lil Valletta

Stewart Said

VALLETTA………1
BALZAN…………..2
Valletta: N. Vella, R. Camilleri, J. Caruana, L. Dimech, I. Azzopardi, R. Briffa, R. Fenech, L. Cremona (L. Elford Alliyu 57’), H. Barry, A. Nafti (I. Hilary 72’), D. Leeflang (S. Bajada 42’)
Balzan: S. Sultana, J. Grioli, D. Grima (L. Micallef 85’), S. Arab, E. Bilbao Zarate, T. Agius, B. Kaljevic, O. Guerrero (L. Sciberras 93’), C. Brincat, G. Piccioni (R. Darmanin 89’), E. Serrano Valero
Imwissija: R. Fenech 26’, I. Azzopardi 49’, L. Dimech 88’ (V), B. Kaljevic 59’ (B)
Skorjaw: B. Kaljevic 9’, G. Piccioni (B), R. Fenech 26’ (V)
Referee: Chris Lautier
Plejer tal-Logħba: Bojan Kaljevic (Balzan)
Attendenza: 1127

Balzan temmew is-serje ta’ ħames rebħiet konsekuttivi għal Valletta meta tawhom is-sitt telfa tal-kampjonat u rebħulhom 2-1. B’hekk iċ-Champions fallew opportunità tad-deheb li jnaqqsu d-distakk minn mal-liders Hibernians, biex il-Pawlisti baqgħu 14-il punt fil-quċċata filwaqt li jinsabu Valletta issa għandhom punt biss fuq Birkirkara. Għal Balzan kien riżultat importanti li jkompli jsaħħaħ l-ambizzjonijiet tagħhom għal post fl-Ewropa.
Valletta kellhom l-inizjattiva iżda minkejja li kellhom il-pussess, ftit kienu perikolużi b’Balzan jiddefendu bil-għaqal u joperaw bil-kontrattakki.
Il-kowċ Belti Ivan Zammit għamel bidla waħda mir-rebħa kontra Balzan bil-kaptin Ryan Fenech jirritorna u jieħu post is-sospiż Steve Borg. Il-kowċ ta’ Balzan Oliver Spiteri għamel tliet bidliet mir-rebħa kontra Sliema b’Dylan Grima jieħu post Steve Bezzina filwaqt li Terence Agius u Serrano Valero ħadu post Guobadia u Luke Sciberras.
Balzan marru fil-vantaġġ wara disa’ minuti meta Hamza Barry tilef il-ballun f’attakk Belti u f’kontrattakk veloċi BOJAN KALJEVIC spiċċa wiċċ’imbwiċċ ma’ Nicky Vella li kien assolutament barra minn postu u b’lob stupend skorja f’lasta vojta. Ir-reazzjoni Beltija waslet fl-14-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Ryan Fenech li għadda ftit barra.
Il-Beltin ġabu d-draw fis-26 minuta meta RYAN FENECH b’azzjoni persistenti għadda bejn diversi difensuri u b’xutt fil-baxx għeleb lil Sultana.
Balzan marru viċin fit-38 minuta meta minn kross ta’ Dylan Grima, il-ballun spiċċa għand Piccioni li kkontrolla fuq sidru iżda x-xutt għadda ftit għoli.
Fit-tieni taqsima Valletta komplew jiġru wara l-gowl iżda ma kienux perikolużi ħafna u fis-66 minuta azzjoni perikoluża meta s-sostitut Elford Alliyu krossja mix-xellug, Roderick Briffa ma laqatx b’Samir Arab jitfa f’korner. Balzan wieġbu fid-69 minuta meta Kaljevic għadda lejn Guerrero li kkrossja fil-baxx lejn Dylan Grima iżda ma laqatx il-ballun.
Balzan reġgħu marru fil-vantaġġ fit-73 minuta meta GIANMARCO PICCIONI b’xutt stupend ħasad lil Nicky Vella.
Valletta marru viċin id-draw fl-84 minuta meta xutt b’saħħtu ta’ Ryan Fenech stampa l-mimduda biex l-aħħar sforzi kienu inutli hekk kif Balzan kisbu tliet punti fondamentali.