Sport

Claudio Cassar u Sue Abela l-isportivi tas-sena 2014

Claudio Cassar u Sue Abela rebħu l-ogħla unur fis-serata tal-Isport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali. Din is-sena l-54 edizzjoni ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Cassar, li jipprattika l-isport tal-Blackball, kellu sena mill-aqwa hekk kif rebaħ it-titlu mondjali fil-Kampjonati tal-Black Ball Pool li saru fil-belt ta’ Perth fl-Iskozja filwaqt li Abela, bowler, rebħet żewġ midalji tal-fidda fil-Kampjonati tal-Mediterran, midalja tal-fidda fil-Masters Events u waħda tad-deheb fil-kategorija tas-Singles. Barra minn hekk, Abela kienet inkurunata champion nazzjonali għall-20 darba fil-karriera tagħha.

Waqt l-istess serata t-tim tal-irġiel tal-waterpolo ġie ivvutat bħala l-aqwa tim tas-sena. Dan it-tim spikka hekk kif rebaħ l-EU Nations Cup li saret f’Limerick u spiċċa anke fit-tieni post fil-Kampjonati tal-Commonwealth. L-istess tim rebaħ il-Malta International Cup. Il-kowċ ta’ dan it-tim, Karl Izzo fil-fatt ġie ivvutat bħala l-aqwa kowċ tas-sena meta għeleb l-isfida tal-kowċ nazzjonali tat-tim tal-futbol tal-irġiel Pietro Ghedin.

Minbarra dawn il-kategoriji din id-darba żdied ukoll l-unur għaż-Żagħżugħa tas-sena. It-tiratur Nathan Lee Xuereb rebaħ fil-kategorija tal-irġiel filwaqt li l-Bowler Sara Xuereb rebħet fil-kategorija tan-nisa. L-istess Nathan Lee Xuereb rebaħ anke kategorija ġdida, il- People’s Choice Award.

Minbarra dawn il-kategoriji kien hemm ukoll kategoriji oħra li ntagħżlu minn bordijiet separati:
L-aħjar atleta mara ta’ Special Olympics – Charmaine Mifsud
L-aħjar atleta raġel ta’ Special Olympics – Jonathan Camilleri
L-aħjar avveniment għas-sena 2014 – Kampjonati Ewropej tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena

Ir-rebbieħa kollha:
Sportiv tas-Sena
Cassar Claudio (Eight Ball Pool)

Sportiva tas-Sena
Abela Sue (Ten Pin Bowling)

Uffiċjal tas-Sena
Cassar Joe (Futbol)

Kowċ tas-Sena
Izzo Karl (Waterpolo)

Żagħżugħ tas-Sena
Xuereb Nathan Lee (Sparar)

Żagħżugħa tas-Sena
Xuereb Sara (Ten Pin Bowling)

Tim tas-Sena
Waterpolo – Tim Nazzjonali