Internazzjonali

Il-Ġappun se jsaħħaħ l-isforzi tiegħu kontra l-ISIS

Rabja kbira mill-Ġappun, hekk kif fl-aħħar sigħat fuq l-internet feġġ filmat li juru l-qtugħ tar-ras tal-ġurnalist Ġappuniż, Kenji Goto.

Goto, li kien fil-Lvant Nofsani fuq xogħol biex jirrapporta s-sofferenzi ta’ dawk li qed ibatu minħabba l-gwerra bejn l-Istat Iżlamiku u l-pajjiżi tar-reġjun, spiċċa f’idejn it-terroristi fl-aħħar ġimgħat. Dan il-qtil huwa t-tieni qtil ta’ ċittadin Ġappuniż f’inqas minn ġimgħa.

B’reazzjoni għall-filmati tal-qtil taċ-ċittadini Ġappuniżi, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, qal li mhux se jċedi quddiem l-isfida dejjem tikber tat-terroriżmu. Il-Ġappun għalhekk se jkun qed isaħħaħ il-ħidma tiegħu kontra t-terroristi, u se jkompli jingħaqad mal-pajjiżi li qed jiġġieldu lil Istat Iżlamiku.