Lokali Parlament

Il-Gvern ma jagħtix informazzjoni dwar l-isptar tal-onkoloġija

Fil-Parlament ma ngħatatx informazzjoni dwar it-tlestija tal-Isptar tal-Onkoloġija. U dan minkejja li kien inawgurat aktar minn xahar u ġimgha ilu, f’Diċembru tas-sena l-oħra.

Fil-Parlament, l-Oppożizzjoni staqsiet lill-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi jgħid jekk hemmx kuntratturi li waqgħu lura fix-xogħol, jelenka min huma, għal xiex kienu kkuntrattati, u fiex u b’kemm qegħdin tard fix-xogħol. L-informazjzoni mitluba ma ngħatatx.

Kien is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li fil-Parlament qara t-tweġiba li ta l-Ministru Konrad Mizzi, li għal darb’oħra fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ma kienx preżenti fil-Parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari.

Il-mistoqsija saret mix-Shadow Minister Claudio Grech. Ir-risposta bil-miktub tal-Ministru Konrad Mizzi kienet sentenza waħda f’erba’ kelmiet: “Risposta tingħata f’seduta oħra”.

Għal aktar mistoqsijiet b’rabta mal-migrazzjoni ta’ kull dipartiment mill-Isptar Boffa, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb bil-miktub li d-dipartimenti mistennija jirrilokaw sa’ Mejju li ġej.

In-numru ta’ sodod fl-Isptar Sir Anthony Mamo se jkun ta’ 113, li hu proġett ippjanat u li nbeda mill-amministrazzjoni Nazzjonalista u kien fi stadju avvanzat qabel l-elezzjoni li għaddiet f’Marzu tal-2013.

Sadattant, għadhom għaddejjin ukoll it-taħditiet mal-MUMN dwar il-kwistjoni li nqalgħet dwar il-parkeġġ tal-ħaddiema tal-isptar tal-Onkoloġija.