Madwar tlett xhur ilu, il-midja kienet kixfet kif il-Ministru responsabbli mill-Opportunitajiet Indaqs, Helena Dalli, qed tagħmel xogħol illegali fuq farmhouse tagħha li tinsab barra miż-żona tal-iżvilupp u li għandha avviż ta’ infurzar kontriha.
Għal darb’oħra dan il-każ dwar il-Ministru Dalli qed jerġa’ jingħata ċertu prominenza fil-midja lokali, partikolarment fil-gazzetta The Sunday Times, fejn fil-gazzetta tal-Ħadd ġie ppublikat artiklu jgħid li l-permess dwar id-dar tal-Ministru għandu jkun rifjutat għaliex il-MEPA għadha qed tistenna lista ta’ kundizzjonijiet biex jinħareġ il-permess.
F’Novembru tas-sena l-oħra l-Ministru Helena Dalli saħqet ma’ dan l-istazzjon li l-post imsemmi qiegħed fuq konvenju u jekk qed isir xi xogħol, qed isir mix-xerrej il-ġdid u mhux mir-raġel tagħha għaliex ma kienx mgħarraf bix-xogħolijiet.
Iżda quddiem l-Environment and Planning Commission, nhar il-25 ta’ Novembru, jakkumpanja lill-Perit, Brian Ebejer, kien hemm propju s-sur Patrick Dalli, r-raġel tal-Ministru.
L-artiklu fuq The Sunday Times jgħid li minkejja li l-case officer għamel lista ta’ raġunijiet biex jiġġustifika ċ-ċaħda tal-permess tad-dar tal-Ministru Dalli, il-bord xorta sejjaħ għal dokument b’lista ta’ kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-permess.
Dan skont l-istess gazzetta hu indikazzjoni li l-MEPA se tapprova l-ħruġ tal-permess u allura twarrab ir-rakkomandazzjonijiet tal-case officer.
Fl-aħħar tar-rapport tal-MEPA, il-case officer jgħid li l-bini propost imur oltre minn dak suppost. Jgħid ukoll li ż-żona għandha tkun kkunsidrata skont id-daqs u l-proporzjonalita’ tas-sit oriġinali filwaqt li l-pixxina wkoll taqbeż id-daqs massimu permesibbli.
Hekk kif kien żvelat dan il-każ, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet appellat lill-Ministru Dalli biex terfa’ r-responsabbiltà politika. Dan hekk kif minkejja li hi l-Ministru tal-Opportunitajiet Indaqs, hi qed tgawdi aktar drittijiet minn ħaddiehor.
Il-każ spiċċa anke biex qed ikun investigat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Nhar it-Tlieta l-MEPA se tkun qed tisma’ l-każ wara li ġie pospost minn tal-inqas darbtejn minħabba li l-perit li qed jidher f’isem ir-raġel tal-Ministru, Patrick Dalli kien ppreżenta pjanti ġodda biex tkun tista’ ssir l-estensjoni tal-binja eżisteni.
//= $special ?>