Formula 1 Sport

Il-Mercedes u r-Red Bull jippreżentaw il-karozza

L-ewwel jum ta’ testijiet fil-pre-season tal-Formula 1 beda fiċ-ċirkwit ta’ Jerez fi Spanja b’għadd ta’ timijiet jippreżentaw il-karozzaz tagħhom.

Iċ-Champion tad-Dinja Mercedes, ir-runners up Red Bull, ti-tim fit-tielet post Williams u t-Toro Rosso urew il-karozzi fil-pit lane qabel bdew il-ħidma ta’ preparazzjoni.
Tmien timijiet jinsabu f’Jerez jippruvaw jiskopru jekk il-ħidma tagħhom fuq id-disinn fl-aħħar xhur kinitx suċċess.

Force India mhux qed jieħdu sehem f’dan it-test minħabba li l-karozza mhix lesta.

L-akbar sigriet kienu r-Red Bull hekk kif il-Mercedes u l-Williams kienu diġà ppubblikaw ir-ritratti tal-karozza.

Il-karozza kienet preżentata b’lewn camouflage temporanju, simili għal dak użat mill-manifatturi tal-karozzi tat-triq meta jkunu qed jippruvaw xi mudelli ġodda.

Dak li seta’ jidher iżda kien kif il-karozza għandha disinn tan-nose li jikkombina mal-elementi tal-Ferrari tas-sena l-oħra, bil-‘ħotba’ fil-ponta tidher fuq il-Williams il-ġdida.

“Hemm xi tibdil li affettwa d-disinn ta’ quddiem tal-karozza imma apparti dan, ħafna mit-tibdil sar taħt il-qoxra tal-karozza,” qal iċ-Chief inġinier tar-Red Bull, Rob Marshall.

Il-Mercedes bħall-karozzi l-oħra, hi evoluzzjoni ta’ dik li ddominat il-kampjonat is-sena l-oħra imma għandha differenzi li jidhru, fosthom nose irqaq u itwal, kif ukoll hi irqaq fuq wara.

Sir Frank Williams qal li l-mira tat-tim wara li telgħu mid-disa’ għat-tielet post l-istaġun li għadda kien li jkomplu jitilgħu fil-klassifika.

L-FW37 tixbaħ ħafna l-karozza tas-sena l-oħra imma għandha disinn insolitu tan-nose konformi mar-regolamenti l-ġodda immirati li jżidu s-sigurtà b’ħotba ħierġa minn parti forma ta’ kaxxa fuq quddiem.

Intant Sebastien Vettel kien l-ewwel sewwieq li ħareġ mill-pit lane hekk kif beda x-xogħol fuq il-Ferrari l-ġdida waqt li l-McLaren kellhom il-karozza l-ġdida b’magna Honda misjuqa għall-ewwel darba minn Fernando Alonso.