Ekonomija Lokali

Il-Partit Laburista kien irrifjuta li jinnomina membri fil-Kumitat tax-Xiri taż-Żejt

Il-Partit Laburista kien irrifjuta stedina mill-Ministru Austin Gatt biex jinnominaw membri fil-Kumitat tax-Xiri taż-Żejt.

Dan b’rabta mal-istess Kumitat li iktar tard spiċċa fil-lenti tal-iskrutinju pubbliku wara l-allegat tixħim li seħħ minn membri li jinsabu fih.

L-aħbar ġiet żvelata mill-gazzetta The Malta Independent, li iddeskriviet kif il-Ministru Austin Gatt f’Jannar 2005 kien stieden lil Joe Mizzi, dak iż-żmien Shadow Minister fil-qasam, biex jinnomina membri f’isem l-Oppożizzjoni Laburista.

Fl-ittra li kien bagħat lil Joe Mizzi, il-Ministru Austin Gatt kien qallu li dan il-Kumitat kien ilu fid-dawl ta’ kontroversja politika u għalhekk kien hemm il-bżonn li l-kwistjoni tal-prokurament taż-żejt tibda tkun indirizzata minn professjonisti, lil hinn mill-politika tal-partiti.

Joe Mizzi kien irrifjuta l-istedina u filwaqt li kien qabel mal-Gvern li dan il-Kumitat għandu jkun magħmul min-nies tekniċi, kien talab biss lil Gvern Nazzjonalista biex jirrapporta lura lil Parlament kull sitt xhur u jiddeskrivi x-xogħol li jkun sar mill-Kumitat.