Lokali

L-awtoritajiet tas-sigurtà Libjani jibqgħu jissuspettaw f’negozju illegali qawwi ta’ fuel bejn il-Libja u Malta

Laqgħat f’Malta bejn membri tas-sigurtà Maltin u oħrajn Libjani li ġew apposta biex jiddiskutu din il-kwistjoni.

Laqgħat f’Malta bejn membri tas-sigurtà Maltin u oħrajn Libjani li ġew apposta biex jiddiskutu din il-kwistjoni.

L-awtoritajiet tas-sigurtà Libjani jafu tajjeb li s-sitwazzjoni ta’ inċertezza fil-Libja tista’ faċilment tippermetti lil min irid jinvolvi lilu nnifsu fin-negozju illegali tal-fuel.

L-istess awtoritajiet jafu li għandhom problema kbira biex jikkontrollaw il-fruntiera mat-Tuneżija fejn jingħad li qed ikun hemm negozju illegali mhux biss ta’ fuel, imma anki ta’ prodotti oħrajn, fosthom prodotti tal-ikel. Madankollu għal numru ta’ xhur jidher li l-awtoritajiet tas-sigurtà Libjani kienu konvinti li s-sitwazzjoni fir-rigward tan-negozju illegali tal-fuel ma’ terzi f’Malta kienet waħda taħt kontroll.

It-tanker ‘Sun Oil’, immaniġġjat minn kumpanija f’Malta, kien fih ekwipaġġ ta’ ħames persuni meta kien arrestat fuq suspett ta’ negozju illegali ta’ fuel.

Kien bastiment Taljan li ismu baqa’ mhux żvelat li rmonka lit-tanker ‘Sun Oil’ fil-port ta’ Tripli fejn l-awtoritajiet tas-sigurtà għamlu tiftix intensiv abbord. Irriżulta, fost l-oħrajn, li meta l-bastiment Taljan intervjena biex dan it-tanker ikun irmunkat lejn il-Port ta’ Tripli, l-istess tanker jingħad li kien qed ibaħħar mal-kurrent mingħajr ebda dawl. It-tanker ‘Sun Oil’ għandu tunnellaġġ gross ta’ 729 u jtajjar bandiera tal-Moldova.

Is-sitwazzjoni dwar dan it-tanker, li hu proprjetà ta’ kumpanija f’Malta, hi waħda tat-tħassib anki fid-dawl tal-fatt li fil-preżent il-pajjiżi Ewropej li għandhom Ambaxxata miftuħa fi Tripli huma ftit ħafna, fosthom l-Italja u l-Ungerija. Għalhekk in-negozjati mad-Dwana u l-Awtoritajiet Libjani huma aktar minn diffiċli mhux biss għall-ħelsien tal-ekwipaġġ, imma anki għall-ħelsien tal-istess tanker.

Ta’ min jgħid li fid-dawl ta’ dan l-allegat negozju illegali ta’ fuel bejn il-Libja u Malta, matul is-sena l-oħra kienu saru numru ta’ laqgħat f’Malta bejn membri tas-sigurtà Maltin u oħrajn Libjani li ġew apposta biex jiddiskutu din il-kwistjoni filwaqt li jsaħħu l-kuntatti tagħhom mal-awtoritajiet Maltin.