Lokali

L-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel tikkonferma kemm l-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li sa ftit tal-jiem ilu, kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi baqgħu jinsistu li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta huma ġustifikati, minkejja li Malta għandha fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa.

Madanakollu, wara li l-Oppożizzjoni għamlet il-pressjoni biex il-familji u n-negozji Maltin iħallsu prezzijiet ġusti, bħalma qed iħallsu l-familji u n-negozji fl-Unjoni Ewropea, l-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Dan jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni kellha u għandha raġun u kemm il-Gvern ma kienx qed ikun onest meta jgħid li ma jistax iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li madanakollu, kulħadd jaf li t-traħħis ta’ 4 ċenteżmi mhux biżżejjed u mhuwiex traħħis ġust. L-Oppożizzjoni qed tibqa’ tinsisti li l-Gvern iraħħas il-prezzijiet b’mod sostanzjali biex il-prezzijiet f’Malta jirriflettu t-tnaqqis drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt kif qed jiġri fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li żgur li m’għandniex biex niftaħru għall-fatt li minn għada Malta se jkollha r-raba’ l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa.