Lokali

Mixja favur il-ħajja

Il-Ħadd filgħodu Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta kienet ikkaratterizzata mid-daqq ta’ grupp ta’ scouts u guides, li akkumpanjaw mixja favur il-ħajja.

Il-mixja favur il-ħajja ġiet organizzata mill-Malta Unborn Child Movement u telqet għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu mill-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Il-mixja saret mill-Iscouts u l-Guides tax-Xgħajra, Ħad-Dingli, Birżebbugia u l-Kulleġġ Santu Wistin u minn delegazzjoni tal-moviment. Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ngħaqdet fil-mixja, li saret mill-Palazz Presidenzjali sal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn hemmek saret quddiesa konċelebrata.

F’nofsinhar imbgħad saret manifestazzjoni favur il-ħajja fl-Oratorju tal-Caravaggio, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn anke’ twasslu messaġġi favur il-ħajja u kontra l-qtil ta’ trabi mhux imwielda.

Preżenti għall-quddiesa u għal din iċ-ċerimonja kien hemm ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali, Paula Mifsud Bonnici.

Din il-mixja tiġi organizzata kull sena mill-Malta Unborn Child Movement bil-għan li twassal messaġġ favur iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja.