Lokali

Mużewijiet u siti storiċi jiftħu b’xejn għall-pubbliku

Għal min iħobb l-arti, il-kultura u l-patrimonju storiku Malti… jew sempliċiment għal min jixtiqq li jagħmel ħarġa differenti minn tas-soltu, illum huwa il-jum perfett hekk kif Heritage Malta qed toffri aċċess b’xejn għal kważi s-siti kollha taħt il-ħarsien tagħha.

Fil-fatt, eluf ta’ Maltin u anke’ turisti ħatfu din l-opportunita’ biex illum jżuru dsatax-il sit storiku madwar Malta u Għawdex. Din l-attivita’ ttellgħet fl-okkażżjoni tal-ġimgħa dedikata għas-servizz pubbliku.

Fost dawn hemm il-Katakombi ta’ San Pawl u d-Domus Romana fir-Rabat, il-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina, il-Mużew tal-Arti u l-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, Għar Dalam, il-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu u t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra f’Malta u t-tempji tal-Ġgantija f’Għawdex – fost lista itwal ta’ mużewijiet u siti storiċi oħra li nfetħu b’xejn għall-pubbliku.

Min żar il-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta seta’ jżur ukoll l-esebizzjoni li hemm għaddejja bħalissa: ‘Malta, the great story of a small island-nation through 100 objects’. F’din l-esebizzjoni, il-viżitaturi jistgħu jiskopru l-istorja sħiħa tal-gżejjer Maltin – mill-formazzjoni tagħhom 35 miljun sena ilu sal-kisbiet riċenti tal-pajjiż – u dan permezz ta’ mitt oġġett storiku.

L-uniku siti li ma nfetħux b’xejn għll-pubbliku kienu l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, Ta’ Ħaġrat u t-tempji ta’ Skorba minħabba s-sensittivita’ tagħhom.