Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li għaxar snin ilu tant kien kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Ħadd filgħodu beda b’paragun bejn Malta u pajjiżi oħrajn Ewropej, b’Malta tkun minn ta’ quddiem meta titqabbel ma’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal dan waqt id-diskors tal-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, li fih spikka t-tifħir li għamel lilu nnifsu u lit-tmexxija tal-Gvern tiegħu. B’referenza għat-tema tal-Konferenza “Malta Ottimista”, il-Prim Ministru qal li m’għandux kura għall-ottimiżmu tiegħu, għax hu maħkum minn “ottimiżmu inkurabbli” għall-pajjiżna.
Hu qal li pajjiżna qed jikseb suċċess kbir, għax il-Gvern qed iwettaq stil ġdid ta’ politika, politika ambizzjuża, bi Gvern li jwettaq affarijiet ġodda.
F’litanija ta’ tifħir għat-tmexxija preżenti, Muscat qal li l-Gvern tiegħu lest li jieħu kull deċiżjoni bla biża. U dan filwaqt li nesa jsemmi kif numru ta’ deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar sentejn spiċċa ħadhom mingħajr konsultazzjoni wiesgħa, proprju l-oppost tal-wegħda tal-“Gvern li Jisma'”.
Tispikka fost oħrajn id-deċiżjoni li jippostponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jew inkella l-aħbar li għadha qed tiżviluppa dwar il-post ġdid tal-monti fil-belt Valletta. Żewġ deċiżjonijiet li għalihom Joseph Muscat kien, u qed jiġi, affaċċjat minn kritika qawwija.
Iktar tard matul id-diskors, il-Prim Ministru ftaħar ukoll fuq il-mod “veloċi” li bih jaħdem il-Gvern tiegħu. Iżda għal darb’oħra ma għamel l-ebda referenza għall-fatt, li minkejja li fi kliemu l-Gvern huwa wieħed veloċi ħafna, s’issa għadu lanqas biss beda jibni l-powerstation l-ġdida fid-Delimara, powerstation li skont ir-roadmap tal-Partit Laburista, kellha tkun lesta x-xahar li ġej, f’Marzu 2015, sentejn wara l-elezzjoni ġenerali.
Lil udjenza mimlija partitarji Laburisti, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Joseph Muscat wiegħed iktar riformi biex pajjiżna jibqa’ relevanti. Hu qal li jrid ikompli jżomm kull ftehim li għamel. Tkellem ukoll dwar il-kisbiet li, skont il-Gvern Laburista, qed jintleħqu fis-settur ekonomiku u l-mod kif il-Gvern qed iħares l-interessi tal-fqar. Għal darb’oħra, Joseph Muscat naqqas milli jitkellem dwar l-impatt negattiv taż-żieda miżera fl-għoli tal-ħajja, il-kritika li din irċeviet u l-impatt negattiv tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Iżda għal Joseph Muscat, Malta taħt Gvern Laburista se tkun id-dawl għall-vulnerabbli. Kien hawnhekk li Joseph Muscat naqas milli jitkellem dwar għaliex persuni li jużaw l-electric wheelchair ma jistgħux jirkbu fuq il-vetturi tal-linja, għaliex ċertu faċilitajiet, fosthom pixxina għall-persuni b’diżabilita’ f’Għawdex, għadhom ma tlestewx, u għaliex Gvern li kellu roadmap għal kull problema, huwa mifni bil-problema tal-pazjenti fil-kurituri tal-isptar Mater Dei.
Biss, minkejja dawn il-problemi, fi kliem Muscat, Malta se tkun id-dawl li jixgħel għall-vulnerabbli, il-“vuċi tar-raġuni” fl-Ewropa u fil-Mediterran, u se tkompli tikkontribwixxi biex, fi kliem dak li għaxar snin ilu kien ewro-xettiku, l-Ewropa sservi bħala mutur ekonomiku tad-dinja.
Matul il-Konferenza Ġenerali tkellem ukoll l-eks Sindku Nazzjonalista ta’ Ħal Lija Ian Castaldi Paris, li kien serva wkoll bħala President tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Hu qal li ma kienx jemmen fil-moviment Laburista iżda issa, wara sentejn taħt dan il-Gvern, qed jara biċ-ċar il-frott li kisbilna l-Prim Ministru Joseph Muscat, li hu iddeskriva bħala bniedem li lest li jinża l-“kappa ta’ Prim Ministru” biex iservi bħala “ħabib, ħuħ u missieru”.
Spikka wkoll id-diskors tal-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli, li qalet li pajjiżna hu xxurtjat li ma bagħthiex taħt il-kriżi li ħakkmet ‘l Ewropa fl-aħħar snin, u l-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, li qal li bit-tnaqqis ta’ 4 ċenteżmi għal kull litru petrol u diesel, il-Gvern qed iwettaq il-wegħda tiegħu li jraħħas l-ispejjeż lil familji Maltin u Għawdxin. U dan, minkejja li l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta hu r-raba’ l-għola fl-Ewropa kollha.
Ritratt: Arkivji
//= $special ?>