Żagħżugħ u missieru llum wara nofsinhar tressqu l-Qorti b’urġenza b’rabta ma’ ġlieda li allegatament kellhom ma’ membri tal-Korp tal-Pulizija, b’akkuża li kkaġunawlhom ukoll ġrieħi ta’ natura ħafifa.
L-istess akkużati madankollu xehdu li ġew imsawwta minn membri tal-RIU b’lembuba meta seħħ l-inċident, tant li ġarrbu numru ta’ ġrieħi li jidher li kienu viżibli fl-awla tal-Qorti.
Interessanti l-fatt li l-Pulizija li qed ikun implikat fl-allegat swat ta’ dawn il-persuni ma kienx imressaq fil-Qorti.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Buontempo, aċċettat li tagħti l-liberta’ proviżorja lil akkużati, bil-kundizzjoni li dawn imorru jiffirmaw kull ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija.
L-Avukat tad-Difiża, Gianella De Marco, talbet li l-persuni li allegatament ġarrbu dawn il-feriti jiġu fotografati biex dan kollu jinżamm bħala evidenza fil-kumpilazzjoni tal-każ.
Kollox jindika li f’dan l-allegat swat kien hemm involuti ma’ 4 membri differenti tal-Korp tal-Pulizija, li kollha jiffurmaw parti mis-sezzjoni tal-RIU.
Il-każ tressaq il-Qorti mill-Ispettur Trevor Micallef.
//= $special ?>

