Wara li ma baqax jaħdem mal-eks-Ministru Manwel Mallia, Quinton Scerri beda jaħdem mal-PBS… u dalwaqt se tinħoloq kariga apposta għalih
Quinton Scerri, l-eks-preżentatur fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista u uffiċjal fil-Minsteru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, beda jaħdem mal-PBS.
L-eks-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar beda jaħdem fid-dipartiment tal-produzzjoni iżda hu maħsub li fil-ġimgħat li ġejjin se tinħoloq kariga ġdida fi ħdan il-PBS biex takkomoda s-salarju li kellu s-Sur Scerri fil-Ministeru mmexxi minn Manuel Mallia.
Quinton Scerri hu l-aħħar min-numru kbir ta’ ħaddiema u kontributuri li fl-aħħar sentejn daħlu jaħdmu fix-xandir nazzjonali.
Dan ġie żvelat fil-gazzetta IL-MUMENT, li rrappurtat li hi nfurmata li f’dan il-perjodu daħlu aktar minn 40 persuna mingħajr sejħa pubblika. Dawn ġew ingaġġati b’contract of service, b’salarji ta’ madwar €2,500 fix-xahar. Frederick Testa, li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien deher fil-billboards tal-Partit Laburista kien minn tal-ewwel li daħal il-PBS wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Għal Frederick Testa li għandu 61 sena, inħolqot kariga ġdida, Kap tad-Drama, liema kariga issa se tkun f’kunflitt dirett ma’ dik ta’ Quinton Scerri. Filfatt, imkejjen qrib il-PBS qalulna li s-Sur Testa xejn ma ħa gost li Quinton Scerri daħal jaħdem il-PBS. Fl-aħħar xhur, Frederick Testa spiċċa iżolat f’uffiċċju fil-bini l-antik tal-PBS. Dan seħħ fost l-oħrajn minħabba diżgwid kontinwu ma’ ħafna mill-kollegi tiegħu.
Minbarra għadd kbir ta’ tekniċi fosthom cameramen, editors u riggers, ftit jiem biss wara l-elezzjoni ġenerali, daħlu wkoll Ray Bajada biex imexxi Radju Malta 2, li baqa’ fost l-inqas stazzjonijiet tar-radju segwiti f’Malta u Rodianne Caligari li minn xogħol mal-MITA ngħatat il-kariga ta’ ‘Web Coordinator’ ma’ TVM. Minkejja dan, is-sit elettroniku tal-PBS mhux qed jitmexxa minnha iżda minn attivist kbir tal-Partit Laburista, Owen Galea, li hekk kif Franco Mercieca rriżenja minn Segretarju Parlamentari sab postu fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS bħala konsulent tal-Kap Eżekuttiv.
Fl-aħħar jiem inħarġet ukoll sejħa interna għall-ħaddiema full-time tal-PBS għall-karigi ta’ Junior Manager – Web Content Editor u Administrative Officer tal-website. X’aktarx li l-ewwel kariga hija maħsuba għall-eks reporter tal-Kulħadd u l-Orizzont, Owen Galea (anke sa issa m’huwiex impjegat full-time tal-PBS) u l-oħra għall-eks attivista tal-Pulse, Rachel Baldacchino li wkoll daħlet fil-kamra tal-aħbarijiet mingħajr ebda sejħa pubblika.
Fl-aħħar sentejn iddaħlu erba’ ġurnalisti li kienu jaħdmu fl-istazzjon tal-Partit Laburista: Norma Saliba, Brandon Pisani, Dorothy Falzon u Rodney Vassallo.
Il-kamra tal-aħbarijiet hija mmexxija minn Reno Bugeja li f’Mejju tal-2013 inħatar direttament mill-Gvern mingħajr ebda sejħa pubblika b’salarju ta’ aktar minn €60,000 fis-sena.
//= $special ?>