Ilbieraħ filgħaxija xufiera tal-linja spiċċat aggredita minn żgħażugħ wara li talbitu biex jinżel minn fuq il-vettura li kienet qed issuq.
L-inċident seħħ ħdejn il-Knisja ta’ San Silvestru fil-Mosta fejn waqt li għaddejja mir-rotta 41, bejn il-belt Valletta u ċ-Ċirkewwa, għall-ħabta tal-10.45pm, iż-żagħżugħ tefa żarbun ta’ żagħżugħ ieħor fil-passaġġ tal-vettura. Ix-xufiera waqqfet il-vettura u qamet biex tgħidlu jiġbor iż-żarbun b’rispett lejn il-passiġġieri l-oħra.
Hu rrifjuta li jagħmel dak li talbitu u allura x-xufiera fetħet il-bieb tal-vettura u qaltlu biex jinżel minn fuq tal-linja.
Iż-żagħżugħ qam minn postu u, hu u miexi lejn il-bieb tal-vettura, ta daqqa ta’ ponn lix-xufiera f’wiċċha, filwaqt li telaq jiġri.
Ix-xufiera, bid-demm ħiereġ minn imneħira, ċemplet fil-pront lil Pulizija li ġew fil-post u hemmhekk kellmu lil numru ta’ żagħżagħ li kienu jafu lil dak li aggredixxa lix-xufiera, u li bl-għajnuna tagħhom saru jafu min kien iż-żagħżugħ.
Ix-xufiera ttieħdet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn ġiet ċertifikata li ġarrbet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>