It-traħħis ta’ erba’ ċenteżmi li ħabbar il-Gvern nhar is-Sibt żgur li m’huwiex biżżejjed u ma jirriflettix it-tnaqqis drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt tal-aħħar xhur. Il-Gvern għandu minnufih iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’mod sostanzjali. It-traħħis ta’ erba’ ċenteżmi li ħabbar il-Gvern sar biss minħabba l-pressjoni li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fl-aħħar ġimgħat u xhur.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli insistiet li l-Gvern mhux qed ikun ġust mal-familji u n-negozji Maltin billi jraħħsilhom il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biss b’erba’ ċenteżmi. “Tant kemm il-prezzijiet f’Malta huma għoljin li minkejja dan it-traħħis miżeru, Malta xorta għandha l-ogħla r-raba’ prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa,” sostniet Marthese Portelli.
L-Oppożizzjoni, kompliet tispjega Marthese Portelli, se tkompli tinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’mod sostanzjali u immedjat. “Jekk il-Gvern ma jpoġġix il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fuq l-aġenda, l-Oppożizzjoni se tinsisti li d-dibattitu jsir nhar il-Ħamis,” sostniet Marthese Portelli.
Ix-Shadow Minister irreferiet ukoll għad-diskors tal-Ministru Konrad Mizzi waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li ġab l-iskuża għall-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel minħabba r-rata tal-kambju ta’ bejn l-ewro u d-dollaru. “Il-Ministru Mizzi jaf li Malta mhux l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li juża l-ewro. Bir-raġunar tal-Ministru Mizzi, kieku t-18-il pajjiż l-ieħor li għandu l-ewro ukoll iżommu prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel.”
Marthese Portelli rringrazzjat lill-imsieħba soċjali li attendew għal-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni nhar is-Sibt li għadda.
Mill-lum, is-sit www.dieselupetrol.com beda jirrifletti l-bidliet fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, li xorta huma r-raba’ l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

