Lokali Unjoni Ewropea

Ellul Bonici jitkeċċa mix-xogħol minn mal-grupp Ewroxettiku

Kevin Ellul Bonici tkeċċa mill-impjieg tiegħu minn mal-grupp Ewroxettiku tal-Parlament Ewropew fi Brussell wara li qassam, flimkien ma’ żewġ persuni oħra, kopja tal-ktieb kontroversjali dwar il-President tal-Litwanja Dalia Grybauskaité.

Dan skont il-gazzetta onlajn tal-Litwanja Delfi li semmiet lil Ellul Bonici b’ismu.

Skont Delfi, Ellul Bonici flimkien ma’ ċittadin Russu u ma’ ċittadin Pollakk imwieled Moska, poġġa 700 kopja tal-ktieb kontroverżjali Red Dalia f’kull kajżella tal-Ewroparlamentari. Il-gazzetta qalet ukoll li Ellul Bonici ġie identifikat mid-diviżjoni tas-sigurtà tal-Parlament Ewropew flimkien maż-żewġ persuni oħra, u li skont Kelly Herman tal-grupp Europe of Freedom and Direct Democracy (EFDD), Ellul Bonici dalgħodu reġa’ daħal għax-xogħol wara żmien ta’ sick leave imma ttieħdet azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tiegħu u ġie infurmat li tkeċċa.

L-Ewroparlamentari Litwani tal-EFDD qalu li ma kellhom xejn x’jaqsmu mad-distribuzzjoni tal-ktieb waqt li l-awtriċi tal-verżjoni Litwana tal-ktieb qalet li dan ġie tradott mingħajr ma kienet taf. Anke l-grupp EFDD tbiegħed mill-inċident.