Ritratti: Martin Agius / Roberto Runza
Anzjana ta’ 64 sena u n-neputi tagħha ta’ sentejn kienu salvati minn nirien li ħakmu residenza fi Triq San Duminku f’Tas-Sliema. In-nirien hu mifhum li bdew mill-kantina tad-dar u nfirxu wkoll għas-sulari ta’ fuq wara ħsara li żviluppat f’heater tal-gass.
Kien għall-ħabta tal-10.50 a.m. meta ġie nnutat duħħan iswed ħiereġ minn din id-dar. Fuq il-post issejħu uffiċjali tat-tifi tan-nar tim mediku mill-Isptar Mater Dei kif ukoll il-Pulizija.
Fuq ġewwa nstabu l-anzjana u n-neputi tagħha, li kienu maqbuda fil-kantina tad-dar. Fortunatament din il-kantina tinfed b’bieb mar-residenza ta’ maġenbha. Kien għalhekk li dan il-bieb tneħħa u ż-żewġ persuni nħarġu mir-residenza mid-dar l-oħra.
Sadattant tim mediku mill-isptar mater Dei, li wasal fil-post b’żewġ ambulanzi, ta l-ewwel assistenza lit-tifel, nanntu ta’ 64 sena, kif ukoll raġel ta’ 68 sena u Ivorjan ta’ 28 sena li kollha belgħu ammont sostanzjali ta’ duħħan.
Kellhom bżonn l-assistenza medika wkoll żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu fost l-uffiċjali li għenu biex inħarġu mill-post it-tifel u nanntu.
Dan filwaqt li numru ta’ membri tal-protezzjoni ċivili daħlu fir-residenza biex jikkontrollaw in-nar, u kellhom bżonn erba’ vetturi tat-tifi tan-nar biex jikkontrollaw in-nar li nfirex malajr.
//= $special ?>


