L-eks-Kap tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), Dominique Strauss-Kahn, beda għaddej bi proċess fil-qorti f’Lille biex iwieġeb għall-akkużi li għen biex jipprovdi n-nisa għal allegat grupp inkarigat mill-prostituzzjoni li kien ibbażat ġo lukanda ta’ din il-belt.
Strauss-Kahn – li sa ftit ilu kellu l-ambizzjonijiet biex jikkontesta għall-Presidenza Franċiża – ammetta li kien attenda għal xi ‘sex parties’ fil-lukanda. Madankollu, hu jinsisti li ma kienx jaf li wħud min-nisa preżenti waqt l-attivitajiet kienu, fil-fatt, prostituti.
Din hi l-aħħar allegazzjoni dwar aġir bi skop sesswali li tressqet fil-konfront ta’ Strauss-Kahn, li, fl-2011 irriżenja minn Managing Director tal-IMF wara li kien akkużat dwar attentat ta’ stupru fuq membru tal-istaff ta’ lukanda, fil-belt ta’ New York.
Il-proċess ta’ Strauss-Kahn għandu jdum tliet ġimgħat u mhux mistenni li l-eks-Kap tal-IMF jitla’ jixhed qabel l-10 ta’ Frar. Fil-qorti, miegħu, qed jidhru 13-il persuna oħra, li jinkludu l-proprjetarju ta’ burdell.
FRANZA: Jibda l-ġuri ta’ Dominique Strauss-Kahn


