Internazzjonali

Ġuri għall-‘Awditur ta’ Auschwitz’

Anzjan ta’ 93 sena li kien gwardjan fil-kamp tal-mewt ta’ Auschwitz, f’April li ġej se jgħaddi ġuri fil-Ġermanja biex iwieġeb għal talanqas 300,000 għadd ta’ akkuża dwar ‘sehem fit-twettiq ta’ omiċidju’.

Oskar Groening, magħruf bħala ‘l-Awditur ta’ Auschwitz’, kien allegatament responsabbli mill-għadd tal-flus kontanti li n-Nażisti kienu kkonfiskaw lill-priġunieri. Groening se jitressaq il-qorti b’konnessjoni ma’ aktar minn 425,000 persuna li kienu ntbagħtu f’Auschwitz, fil-Polonja, bejn Mejju u Lulju tal-1944. Hemmhekk kienu sfaw massakrati madwar 1.1 miljun persuna, li l-maġġoranza tagħhom kienu Lhud.

Il-proċess ta’ Groening se jsir fil-belt Ġermaniża ta’ Lueneburg, bil-każ kontra tiegħu jitressaq minn 55 persuna — fosthom vittmi li għexu mill-ħmar il-lejl ta’ Auschwitz u l-qraba ta’ persuni li tilfu ħajjithom fil-kamp tal-mewt. Skont il-Prosekuturi, Groening kien jaf li l-priġunieri kienu qed jinqatlu ‘direttament wara l-wasla tagħhom f’Auschwitz’.