Lokali

Il-kriżi inkwetanti fl-Isptar Mater Dei

B’dieqa kbira jkolli nammetti li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi waħda nkwetanti għall-aħħar. Għandna l-Isptar prinċipali ta’ pajjiżna li qiegħed jiffaċċja kriżi serja.
Fl-aħħar ġimgħat jidher li s-sitwazzjoni ħarbet minn kull kontroll. Iż-żieda ta’ pazjenti, parzjalment minħabba t-temperatura baxxa, wasslet biex ħafna pazjenti qed jingħataw il-kura f’xi wieħed mill-kuriduri.

Affarijiet xejn sbieħ dawn. Aktar u aktar meta ċerti pazjenti jkunu tassew f’qagħda kritika sal-punt li jkunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom. U minkejja kollox l-istess pazjenti f’qagħda tant vulnerabbli, jibqgħu jingħataw il-kura f’xi wieħed mill-kuriduri.

Nemmen li l-istess Gvern mhux kuntent b’sitwazzjoni ta’ emerġenza bħal din, iżda r-reazzjoni tiegħu m’għandhiex tkun dik li sadattant kollox miexi fuq ir-rubini u kollox sejjer ħarir. Il-Gvern għandu jkun onest u jammetti li l-affarijiet f’Mater Dei mhux sejrin tajjeb. Anzi mhu sejrin tajjeb xejn. Il-kriżi li qed jiffaċċja l-Isptar Mater Dei qed twassal għal tħassib serju.
Ħadd ma jieħu gost jara familjari tiegħu jingħataw il-kura f’xi wieħed mill-kuriduri. Mingħajr ebda privatezza. Mingħajr is-servizzi soliti offruti lil kull pazjent f’xi sala jew oħra. Jiġifieri l-Gvern jeħtieġlu jkun onest u dak li hu abjad jgħidlu abjad u dak li hu iswed jgħidlu iswed.

Fil-qafas ta’ dan kollu l-aktar li jinkwetani hu l-fatt li bħal donnu min qiegħed imexxi hu insensittiv għall-fatt li ċerti pazjenti jkunu fi stadju aħħari għall-aħħar u minflok li lil dawn jipprovdilhom sodda f’sala, iħallihom imutu fl-istess kuridur fejn jinsabu. Għalija din hi xi ħaġa diffiċli ħafna biex nifhem u nniżżel.

Possibbli dawn il-każi ta’ pazjenti f’qagħda tassew vulnerabbli m’għandhomx jingħataw ftit ta’ importanza aktar u jittieħdu f’sala biex il-pazjent, jekk se jmut, tal-inqas imut f’ambjent dinjituż!
Nemmen li meta nitkellmu dwar ir-rispett lejn l-anzjani, għandna nuru dan ir-rispett fil-veru sens tal-kelma. Mhux bil-paroli u bil-kliem. Il-Gvern għandu jfittex l-ewwel u qabel kollox li jsolvi l-problemi f’Malter Dei, imma tal-inqas ikun kapaċi jkun sensittiv għall-każ tassew vulnerabbli biex tali pazjenti ma jinżammux għall-kura f’xi kuridur.

Infermiera u tobba dedikati
Irrid insellem l-impenn qawwi tal-infermiera u t-tobba li minkejja li jiżdiedilhom sew ix-xogħol u jkollhom ilaħħqu mhux biss max-xogħol normali tagħhom fis-sala, imma saħansitra ma’ xogħol ieħor, xorta waħda jibqgħu dedikati u ffukati fix-xogħol tagħhom.

Għal xi raġuni jew oħra llum il-ġurnata sirt familjari sew mal-Isptar Mater Dei u rrid ngħid mingħajr ebda tlaqliq li s-servizz fil-biċċa l-kbira hu mill-aktar professjoni, tajjeb u bl-imħabba.
Dan l-aħħar kelli t-tifla rikoverata fis-Sala O2 u damet numru ta’ ġimgħat. Il-kura li ngħatat kienet impekkabbli u mill-aqwa. Personalizzata u bl-imħabba u l-attenzjoni kollha li kellha bżonn din it-tifla. U minn hawn irrid insellem lil dawk kollha li jaħdmu f’din is-Sala partikulari għall-impenn u l-ħidma tagħhom. Għas-serjetà fix-xogħol tagħhom u għad-dedikazzjoni biex il-pazjenti jingħataw tassew il-kura li jkollhom bżonn.

Meta nkun qed insemmi s-Sala O2 inkun qiegħed nieħu biss eżempju ċkejken għaliex fis-swali kollha hemm infermiera u tobba serji u dinamiċi. Infermiera u tobba li jfittxu tassew li jagħmlu ħajjet il-pazjent komda kemm jista’ jkun fiċ-ċirkostanzi li jkun qiegħed jgħix fihom.

Jiġifieri fl-Isptar Mater Dei l-problema la hi l-infermiera u anqas hi t-tobba. Il-problema hi t-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-politika addottata. Tajjeb għalhekk li wieħed ma jkunx supperv u jara li fit-tmexxija, fl-amministrazzjoni u fil-politika addottata jimxi bi prudenza, b’għaqal u b’kawtela.
L-aqwa għall-pazjent għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.

Biex l-istorja ma tirrepetix ruħha
F’Diċembru l-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr quddiem kulħadd li l-Korp tal-Pulizija kien qiegħed fi kriżi kbira u kien jeħtieġ li jsir intervent immedjat biex l-affarijiet ma jibqgħux jitgħarrqu u jmorru minn ħażin għall-agħar.

Dik is-sitwazzjoni ma kenitx avverat ruħha mil-lum għall-għada. Kien hemm numru ta’ xhur li fihom immaturat tali sitwazzjoni. Numru ta’ xhur li bosta kienu dawk li kienu jiġbdu l-attenzjoni ħalli min qiegħed hemm biex imexxi – jiġifieri l-Prim Ministru innifsu – jintervjeni u ma jħallix is-sitwazzjoni taħrablu minn kull kontroll.
Ġenwinament nara li l-affarijiet li wasslu għal dak li ġara fil-Korp tal-Pulizija qed jiġru llum ukoll fir-rigward tal-Isptar Mater Dei u ta’ ċerti servizzi oħra li jaqgħu taħt il-kappa tas-Saħħa. U kemm-il darba l-Gvern mhux se jindirizza llum qabel għada dawn il-kwistjonijiet kollha – lil hinn minn kull partiġjaniżmu – wisq nibża’ li faċilment ikollna repetizzjoni ta’ dak li ġara fir-rigward tal-Korp tal-Pulizija.

Għaliex il-Prim Ministru għandu jħalli l-bastiment miexi għal rieħu u s-servizzi jkomplu jiddeterjoraw, qabel ma forsi jintervjeni biex l-affarijiet ma jibqgħux għaddejjin b’rankatura għal ġol-ħajt?
Fi żmien meta l-Isptar Mater Dei kien immexxi mill-Ministru Godfey Farrugia kien isir agħa spjettat dwar l-ineffiċjenti li kienu jiġru. Alla jbierek meta t-tmun għadda f’idejn ħaddieħor, jiġri x’jiġri qajla wieħed jisma’ kummenti jew reazzjonijiet u kollox bħal donnu jibqa’ għaddej. Forsi aġendi moħbija?

Li jinteressani biss hu li l-awto-goals li seħħew fil-qasam tal-Pulizija ma jerġgħux jirrepetu ruħhom fil-qasam tas-Saħħa. Għandna numru ta’ evidenzi li jindikaw sitwazzjoni tali. Issa sta għall-għaqal tal-Prim Ministru li jintervjenti, jaqbad il-barri minn qrunu u jwaqqaf dan ix-xenarju li qiegħed joħloq kriżi mill-aktar serja fl-Isptar Mater Dei.
Fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu dwar pazjenti li jeħtieġ li jkunu kkurati f’ambjent dinjituż li jkun jirrispetta lill-bniedem fit-totalità tiegħu.