Hekk kif għada l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar mistennija tieħu deċiżjoni dwar il-permess tal-farmhouse tal-Ministru Helena Dalli fiż-Żejtun – li spiċċat f’nofs kontroversja wara li ġie żvelat li kien qed isir xogħol illegali fuqha – l-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-MEPA biex fid-deċiżjoni tagħha tkun indipendenti u ma taqax għall-pressjoni tal-Ministru għad-Drittijiet Indaqs.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li hu ċar li, anke skont dak li qed jiġi rrapurtat fil-midja, l-Bord tal-MEPA mistenni jmur kontra r-rakkomandazzjoni tal-Case Officer, li qed jinsisti li l-permess m’għandux jingħata għal bosta raġunijiet, fosthom il-fatt li d-daqs tal-bini propost huwa akbar minn dak li tippermetti l-liġi. Fil-fatt, anke d-daqs tal-pool li trid tibni l-Ministru Helena Dalli huwa aktar minn dak permessibbli.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-każ tax-xogħol illegali fuq il-farmhouse tal-Ministru Helena Dalli jikxef l-arroganza ta’ dan il-Gvern u l-mod kif jikser kull tip ta’ regoli biex jakkomoda lilu nnifsu. Dan il-każ jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet f’dan il-pajjiż m’għadhomx indipendenti iżda jaġixxu biss skont il-pressjoni li ssirilhom mill-Gvern – f’dan il-każ biex tkun akkomodata l-Ministru tad-Drittijiet Indaqs. Minkejja li hi Ministru, Helena Dalli m’għandha l-ebda dritt aktar minn ħaddieħor.
L-Oppożizzjoni se tkun żżomm lill-MEPA responsabbli jekk tkun qed tieħu deċiżjoni li tmur kontra dak li l-pubbliku Malti u Għawdxi jistenna minnha, itemm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

