Edukazzjoni Kultura

Il-PBS u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iniedu l-Konkors għal Films Qosra

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejnf filgħodua fil-kwartieri tal-PBS fi Gwardamanġa, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri, u ċ-Chairman tal-PBS Tonio Portughese, iffirmaw memorandum fejn ftiehmu li jniedu l-Konkors għal Films Qosra – proġett ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet fi sforz biex lokalment tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-letteratura u l-qasam tal-films/televiżjoni, li minnha jgawdu t-tnejn. Preżenti għall-okkażjoni kien hemm il-Ministru Owen Bonnici.

B’hekk, il-Kunsill u l-PBS waslu fi ftehim biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jniedu din l-inizjattiva kulturali li maż-żmien se twassal aktar testi ta’ kwalità lejn l-iskrins tagħna.

F’dan il-konkors jiġu aċċettati proposti biex ikunu ffinanzjati films qosra msejsa fuq novelli jew kotba ppubblikati lokalment. Il-fondi għall-proposta magħżula jinħarġu wara proċedura rigoruża u uffiċjali ta’ aġġudikazzjoni. L-applikazzjonijiet, flimkien mar-regolamenti, diġà nħarġu uffiċjalment u l-produtturi u d-diretturi huma mħeġġa biex japplikaw.

Il-formola tal-applikazzjoni u r-regolamenti jinkisbu mis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, www.ktieb.org.mt