Wara ġimgħat ta’ pressjoni kontinwa minn naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista, l-Gvern ċeda ftit għal din il-pressjoni u raħħas b’mod marġinali l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Ma raħħasx kemm kellu jraħħas, u għamel sew il-Partit Nazzjonalista li kompla jinsisti fuq li jingħata aktar traħħis għax il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta xorta jibqu r-raba’ l-aktar għoljin fl-Ewropa. Iżda erġajna rajna Oppożizzjoni effettiva li ġġib ir-riżultati.
Mhix l-ewwel darba.
Din ġrat drabi oħra, li l-Oppożizzjoni tagħmel pressjoni fuq il-Gvern u dan ikollu jirrevedi d-deċiżjoni li jkun ħa. Nhar is-Sibt 11 ta’ April 2015 se jkollna l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali proprju fuq insistenza tal-Oppożizzjoni. Li kien għall-gvern dawn l-elezzjonijiet ma kienux iseħħu. Kienet tkun tebgħa sewda fuq l-istorja demokratika ta’ pajjiżna. Għal darba oħra ħareġ kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, meta tkun fuq in-naħa tas-sewwa, kapaċi tkun effettiva anke jekk nieqsa mis-saħħa numerika fil-Parlament.
Triq twila
Minkejja l-bidliet li qed iseħħu fi ħdan il-PN, it-triq twila u diffiċli. Sondaġġi tal-opinjoni pubblika qed juru li filwaqt li l-Kap tal-PN, Simon Busuttil mexa ‘l quddiem u żied fil-popolarita’ tiegħu u l-Prim Ministru Muscat naqqas, xorta għad hemm distakk mhux żgħir bejn it-tnejn. Dan ifisser li l-PN għadu ma kkonvinċiex biżżejjed lil l-elettorat li hu alternattiva għal dan il-gvern. Fadal tlett snin biex dan iseħħ u ma rridux ninsew li Simon Busuttil telaq minn 36,000 vot minn taħt.
Is-sehem tagħna
Jien bħala kandidata tal-PN fuq livell lokali u tal-elezzjoni ġenerali, qed nagħmel ħilti kollha biex inkun ambaxxatriċi denja tal-partit kull fejn immur. Jien, bħala kandidat ġdida bl-enerġija ġdida tiegħi fid-dover li nwassal messaġġ pożittv għand il-familji. Jien infittex li nkun xhud ta’ Partit Nazzjonalist ġdid u mibdul għall-aħjar. L-istess kull min għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista. In-nies tapprezza r-rieda tajba u l-ġenwinita’.
Inservu, b’umilta’
Meta nidħol fid-djar tan-nies, xi ħaġa li nagħmilha kuljum, konxja li qed nirrappreżenta partit kbir bi storja ta’ suċċess li bidel lil dan il-pajjiż tagħna mill-qiegħ. Iżda konxja wkoll li qed nirrapreżenta partit li sentejn ilu ġarrab telfa elettorali kbira u telfa bħal dik ma tiġix għal xejn. Żbalji saru u l-PN iddiżappunta ħafna nies ġenwini. Ma dawn niltaqa ta spiss. Ħafna drabi ma jkollix soluzzjoni għal dak li ġara ħlief li nismagħhom u nagħtihom kelmti li se nkun qed nagħmel ħilti kollha biex inservihom b’umilta’ u bl-enerġija kollha tiegħi. Jidhirli li din għandha tkun il-missjoni ta’ kull kandidat: Li nservu, b’umilta’.


