Lokali Qorti

Is-Somalu li mar il-ħabs waddab il-ġebel lill-Pulizija għax kien se jirranġa ma’ prostituta

Is-Somalu ta’ 20 sena li ġie kundannat sentejn ħabs u mmultat €4,000 u li nhar il-Ġimgħa li għaddiet waddab il-ġebel lill-Pulizija li marru fuq il-post, għamel dan għax deherlu li telfulu ċ-ċans li jmur ma’ prostituta.

Il-Pulizija tar-ronda kienu marru l-Marsa u wissew żewġ prostituti biex ma jkomplux jitlajjaw. F’ħin minnhom huwa osservaw ukoll lil Abdifatah Abdi residenti f’Raħal Ġdid, jitkellem ma’ waħda minnhom, li kellha titlaq minħabba li kienet qed tingħata l-ordni biex tagħmel hekk mill-Pulizija.

Jidher li dak il-ħin is-Somalu kien qed jirranġa u wasal biex jftiehem il-prezz biex jingħata s-servizzi ta’ din il-prostituta, li iżda kienet imgerrxa mill-Pulizija. Abdi tant ħadha biex kbira li beda jixħet għadd ta’ ġebel lejn il-karozza tal-Pulizija fejn ikkawżalha wkoll xi ħsarat.

L-inċident, li ġie nvestigat mill-Ispettur Robert Vella fejn qal fil-Qorti li s-Somalu qabad jargumenta mal-uffiċjali. Huwa ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.Ammetta wkoll li ma obdiex l-ordinijiet tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li wettaq reat waqt li qed jiskonta sentenza sospiża ta’ sena.