Internazzjonali

It-tifla ta’ Whitney Houston kienet ossessjonata dwar il-mewt ta’ ommha

Sorsi qrib il-familja ta’ Whitney Houston qalu li bintha kienet ilha ossessjonata dwar il-mewt ta’ ommha, mindu l-kantanta traġika nstabet mejta ġo banju ta’ lukanda, f’Beverly Hills, f’Kalifornja.

Whitney Houston dalwaqt tagħlaq tliet snin mejta u fi tmiem il-ġimgħa ħarġet l-aħbar xokkanti li bintha, Bobbi Kristina, li għandha 21 sena, instabet mitlufa minn sensiha ġo banju. Hi ittieħdet tiġri l-isptar, bi ħbieb tagħha, wara, jgħidu li t-tfajla kienet ilha mnikkta minbarra li ‘tbati bil-problemi emozzjonali wara t-telfa ta’ ommha.

L-aħħar rapporti qalu li Bobbi Kristina, bħalissa, tinsab f’koma artifiċjali u li l-kundizzjoni tagħha hi stabbli. Madankollu, sorsi qrib il-familja tagħha qalu wkoll li l-kapaċita ta’ moħħha ‘naqset b’mod sinifikanti’.

Filwaqt li l-aħbar issorprendiet lil ħafna nies, xi persuni qrib il-familja ta’ Houston żvelaw li Bobbi Kristina kienet titkellem kontinwament dwar ommha, ir-‘reġina tal-pop’; li, fi Frar tal-2012, mietet b’kaġun ta’ overdose ‘aċċidentali’ fil-lukanda ‘Beverly Hilton’.

Dawn in-nies qablu li Bobbi Kristina ‘dehret ossessjonata dwar il-mewt ta’ ommha’, u fl-aħħar ġimgħat, hi kienet qed tesprimi l-ossessjoni ‘b’mod aktar qawwi milli kien il-każ daqs sena ilu jew fix-xhur ta’ wara t-traġedja’.