Internazzjonali

L-Etna terġa’ toffri spettaklu

Il-vulkan Etna reġa’, minn tmiem il-ġimgħa, beda joffri spettaklu ta’ tkarwit u ta’ żbroff ta’ lava jaħraq.

Wara li mis-Sibt filgħaxija l-vulkan beda jagħmel ħsejjes ta’ ragħad, minn tard ilbieraħ filgħaxija bdew ħerġin funtani ta’ lava li bdiet iċċarċar qisha żewġt idriegħ, waħda lejn il-post ta’ villeġġjatura ta’ Galvarina fil-muntanji, u l-oħra lejn il-bosk lejn Biancavilla fuq in-naħa l-oħra tal-vulkan. Madankollu, minn dalgħodu, il-vulkan ikkalma tant li llum ħareġ biss irmied.

L-ispettaklu setgħu jgawduh ir-residenti ta’ rħula fil-qrib. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wissa’ dwar l-iżbroff waqt li l-voluntiera li jagħtu sokkors fl-inħawi u l-korpi dixxiplinarji kienu fuq allert. B’xorti tajba imma, l-lava ċarċret b’mod li ma ħolqot ebda periklu. Fl-istess ħin, l-ajruport ta’ Catania baqa’ jaħdem il-ħin kollu.