Il-union tal-infermieri u l-qwiebel l-MUMN, sfidat lis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne biex jgħid minn fejn se jimmaterjalizza il-complement tal-infermieri li għandu bżonn biex jirnexxi l-pjan tiegħu li jbiddel l-Isptar Sir Paul Boffa fi sptar ġenerali sal-aħħar tas-sena.
Fi stqarrija, il-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-union kienet maħsuda b’din l-aħbar li dehret fil-mezzi tax-xandir għaliex riċentemant saret laqgħa mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tad-Diviżjoni tas-Saħħa dwar ir-reklutaġġ tal-infermieri u fl-ebda mument ma ssemmew dawn il-pjani għall-Isptar Boffa.
L-MUMN qalet li anki kieku kellhom jiggradwaw il-160 infermier ġdid, dawn ikunu biss in-nofs mit-300 infermier li hemm bżonn biex jimtlew postijiet battala fl-isptarijiet ezistenti. Wisq inqas biex jimtela’ l-complement ta’ infermieri għall-konverżjoni tal-Isptar Boffa għal sptar ġenerali, li skont kalkoli, hemm bżonn ta’ 60 infermier ieħor biex jaqdi dawn il-ħtiġijiet.
Il-President tal-MUMN qal ukoll li l-awtoritajiet qed iserrħu wisq fuq infermieri barranin, li qed jikkawżaw ħafna problemi minħabba li ma jafux jitkellmu tajjeb bl-Ingliż.
//= $special ?>

