Lokali Qorti

Mixli li kkorrompa lil bintu, ibnu u żewġ bniet oħrajn

Raġel ta’ 38 sena minn Ħal Safi inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li kkorrompa lil bintu, ibnu u żewġ bniet oħra taħt l-eta’. Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma biex tiġi protetta l-identita’ tal-minuri wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

Huwa ġie mixli wkoll li ħa parti f’attivitajiet sesswali mal-bniet li għandhom, 12, 14 u 16-il sena rispettivament. It-tifel għandu 15-il sena. Allegatament minbarra ż-żewġ uliedu, r-raġel kkorrompa lit-tifla tas-sieħba tiegħu u lit-tifla ta’ kuġina tal-istess sieħba.

L-Ispettur Joseph Busuttil qal fil-Qorti li dawn l-attivitajiet kienu jsiru meta r-raġel kien ikun waħdu mat-tfal. L-akkużat ġie mixli li huwa reċidiv. Minkejja t-talba li saret mill-Avukat tiegħu Noel Bartolo għal liberta’ proviżorja, din ġiet miċħuda mill-Qorti anke minħabba li għad iridu jixhdu xhieda mportanti fil-każ, fosthom l-istess tfal.