Il-monti fi Triq l-Ordinanza hu nsult għall-istorja u l-kultura tal-Belt Valletta – il-‘European Walled Towns’
Il-President tal-assoċjazzjoni Ewropea tal-bliet imdawra bi swar, il-‘European Walled Towns’, Joseph Spiteri, ikkundanna b’mod qawwi d-deċiżjoni tal-Gvern li jċaqlaq il-monti għal Triq l-Ordinanza u d-daħla tal-Belt.
Saħaq li d-daħla partikolari ta’ belt storika, li hi wkoll Sit ta’ Patrimonju Dinji u belt li se tkun il-Kapitali Kulturali Ewropea fl-2018, se tiġi rvinata b’din iċ-ċaqlieqa u bi mwejjed tal-monti li huma “shabby”. Kompla jgħid li dan se jkun insult għall-istorja, il-kultura u s-sens ta’ kburija nazzjonali li għandhom dawk kollha li jgħożżu lill-Belt Valletta. Għalhekk, qal, li din iċ-ċaqlieqa ma tistax tiġi ġġustifikata bl-ebda tiġbid tal-immaġinazzjoni u għall-ebda raġuni.
Joseph Spiteri qal li bħala Malti u bħala Belti din id-deċiżjoni timlih bi dwejjaq u b’diżappunt għax iċ-ċaqlieqa tal-monti se taffettwa l-proġett b’mod sħiħ ta’ Renzo Piano. Qal li lil hinn minn kull opinjoni individwali dwar il-proġett, il-proġett sħiħ diġà ntlaqa’ tajjeb ħafna minn ħafna barranin. Qal li kien hemm diversi li ltaqa’ magħhom personalment li tkellmu b’interess dwar id-daħla l-ġdida tal-Belt u għoġobhom id-disinn b’mod sħiħ ta’ Renzo Piano.
Spiteri esprima t-tama tiegħu li jinstab sit ieħor jekk il-monti tal-Belt għandu jiċċaqlaq minn fejn hu bħalissa, u mhux ħdejn id-daħla l-ġdida tal-Belt li f’dan il-każ “jgħarraq” il-kunċett kollu tad-daħla kif iddisinjata minn Renzo Piano.
//= $special ?>

