Il-każ ta’ attentat ta’ stupru li bih mixli raġel mill-Guinea
Il-Kuntistabbli Stephen Micallef, mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit spjega fil-Qorti kif wasal fuq biċċa ħaxix fejn il-bajja ta’ San Ġorġ u hemm sab tfajla ta’ 23 sena, tipprova tirreżisti stupru ta’ raġel mill-Guinea. Huwa spjega kif huwa qabdu minn wara meta kien diġa’ fuq it-tfajla bil-qalziet ta’ taħt sa rkuptejh u bil-parti ġenitali tiegħu barra u t-tfajla kien mingħajr qalziet ta’ taħt.
“Malli ġbidtu minn wara tagħni daqqa b’minkbu ġo wiċċi u ma kelli l-ebda alternattiva ħlief li nimmanettjah. Konna fuq patrol, u smajt tfajla tgħajjat “ieqaf, ieqaf” u meta morna fil-post sibniha bid-demm ma’ wiċċha,” qal Micallef li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Seykou Ballde ta’ 22 sena, li qed iwieġeb mhux ħati li stupra tfajla Maltija ta’ 23 sena, li ħebb għall-Pulizija u li ħarab mill-kustodja tal-istess uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
Huwa qed jiġi mixli bi 12-il akkuża fosthom li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti, fuq każ ieħor fejn fil-passat huwa kien tressaq il-Qorti mixli li sawwat prostituta u li ħebb għall-Pulizija meta kienu marru biex jarrestawh fuq il-każ.
Ballde, qal fil-Qorti li minkejja li fuq il-karta’ ta’ l-identita’ tiegħu niżżlulu li għandu 32 sena, fir-realta’ għandu 22 sena. Huwa baqa’ jikkonferma li joqgħod f’appartament f’San Pawl il-Baħar.
Il-Kuntistabbli Micallef u l-Kuntistabbli Aaron Cutajar qalu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja xehdu f’dan il-każ li allegatament l-akkużat beda jgħid lit-tfajla li jekk ma kienitx se tħallih ikollu x’jaqsam magħha kien se jilgħabilha daqqa ta’ ponn.
Il-każ seħħ fit-3.00 a.m. tal-15 ta’ Diċembru li għadda f’Paċeville hekk il-vittma kienet sejra għall-karozza tagħha biex titlaq id-dar wara li kienet iltaqgħet ma’ xi ħbieb.
Fix-xhieda tagħhom il-Kuntistabbli Micallef u Cutajar deheru xi ftit skomdi jixhdu minħabba n-natura tal-każ, bil-Qorti tgħidilhom biex ma jiddejjqu xejn u jgħidu eżatt dak kollu li raw. Qalu li t-tfajla kellha saqajha miftuħin u fil-fatt il-Kuntistabbli Micallef qal li huwa neħħa il-ġakketta tiegħu u tahielha biex titgħatta, dan anke għamlu biex it-tfajla terġa’ tikseb id-dinjita’ tagħha. Ħareġ ukoll fil-Qorti li l-akkużat kien qed jikser ordni tal-Qorti peress li suppost hu jrid ikun id-dar sal-10.00 p.m.
L-espert tal-Qorti Mario Scerri qal li fuq il-parti privata tal-vittma ma nstabu l-ebda traċċi ta’ sperma u li hija kellħa ġrieħi ħfief f’wiċċha li huma kompatibbli ma’ daqqa ta’ ponn f’wiċċha.
L-Ispettur Trevor Micallef qed imexxi l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Anthony Cutajar deher għall-akkużat bl-avukat Peter Fenech jidher bħala parte civile għan-nom tal-vittma.
//= $special ?>

