Ħafna żgur xi darba semaw bil-frażi ‘Let them eat cake’ jew kif nkitbet oriġinarjament bil-Franċiż ‘Qu’ils mangent de la brioche’. Frażi, li korretament jew le, hija attribwita għar-reġina Franċiża Marie Antoinette. Frażi li tul is-snin baqgħat simbolika ta’ arroganza u ta’ tmexxija ta’ pajjiż li ftit li xejn jimpurtaha min dak li jkunu għaddejin minnu n-nies.
Dak li qiegħed jiġri f’Malta bil-prezzijiet tal-fuel juri li għandna gvern li qiegħed iħalli r-rebħa elettorali massiva tiegħu sentejn ilu titlalu għal rasu u jibda jirraġuna bil-mentalita’ ta’ ‘Let them eat cake’.
Bil-prezz internazzjonali taż-żejt jilħaq livelli baxxi rekord; bil-prezz tal-fuel f’pajjiż wara l-ieħor ikompli jinżel il-gvern Malti u l-media tiegħu qegħdin ikomplu bil-kampanja tagħhom li jipprovaw imeru s-sewwa magħruf. Minflok juża l-ħin u l-enerġija tiegħu f’ħidma biex il-prezz internazzjonali baxx jirifletti ruħu fil-prezzijiet lokali, il-gvern huwa aktar mgħedi f’kampanja li tinsulta l-intelliġenza tan-nies.
Il-prezzijiet għolja tal-fuel f’pajjiżna jfissru mhux biss li kull wieħed u waħda minnha qiegħed jiġi misruq flusu mill-gvern ta’ Joseph Muscat iżda jfisser ukoll li l-kompetitivita’ ta’ pajjiżna ser tibda ssofri konsegwenzi serji f’qasir żmien. L-attitudni tal-gvern ta’ ‘Let them eat cake’ ser tara effetti mill-aktar negattivi fuq l-ekonomija Maltija.
Ħasra li minflok ikun tassew gvern li jisma’ għandna gvern li jippreferi jinjora l-ovvju. Ħasra li filwaqt li ħaddieħor qed jitkellem dwar prezzijiet baxxi taż-żejt u jispekola fuq kemm ser jinżel il-prezz tal-fuel f’Malta qed nitkellmu dwar gvern li ma’ jimpurtahx!