Lokali

Filmat: Wara baraxx ta’ kritika, il-Gvern se jbiddel id-disinn tal-gabbani tal-monti

“Gvern tal-ħabba gozz” – Wara li kien kburi bid-disinn tal-gabbani tal-Monti, tant li ftaħar bihom b’servizz sħiħ fuq l-aħbarijiet tal-PBS, il-Gvern issa se joħroġ espressjoni ta’ interess għal disinn ġdid

Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jippubblika espressjoni ta’ interess għad-disinn tal-gabbani li se jintużaw mill-bejjiegħa tal-Monti, la darba jkunu rilokati fi Triq l-Ordinanza l-Belt Valletta.

L-aħbar ġiet wara baraxx ta’ kritika fuq il-Gvern għad-disinn tal-gabbani. Kritika li waslet minn numru ta’ persuni fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern qal li d-disinn provdut irid ikun li jikkumplimenta, estetikament, l-inħawi tal-madwar, filwaqt li jkun prattiku għall-konsumaturi u l-istess bejjiegħa.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern li jmexxi ta’ Joseph Muscat huwa gvern li kapaċi biss biex jirreaġixxi, dan hekk kif illum, il-Gvern ħabbar u-turn ieħor – dak fid-disinn tal-istands tal-Monti. Il-Gvern kien kburi bl-istands kif kienu oriġinarjament tant li ftaħar b’dawn l-istands f’servizz tal-aħbarijiet fuq l-istazzjon nazzjonali l-ġimgħa li għaddiet.

FILMAT: Ara l-filmat li jinkludi s-servizz sħiħ li sar fuq l-istazzjon nazzjonali dwar dawn il-barkarelli.

Issa għax ra li dak li għamel kien diżastru, ma kellux triq oħra ħlief li jammetti li żbalja għal darb’oħra u jum wara l-ieħor, il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat qed jikkonferma kemm huwa tal-ħabba gozz, itemm jgħid il-Partit Nazzjonalista.