Lokali

“Weġġa’ lit-tifel u minflok qaluli li waqa'” – omm tifel ta’ 5 snin

Marilyn hija omm tifel ta’ ħames snin li ftit anqas minn ġimgħa ilu spiċċa ferut minn tifel ieħor fl-istess skola li għandu storja twila ta’ logħob bl-idejn ma’ tfal oħra.

Ma’ MaltaRightNow.com, l-omm irrakkuntat kif il-Ħamis irċeviet telefonata mill-iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca u qalulha biex tmur tiġbor lit-tifel għax kien weġġa’ wara li waqa’.

Iżda meta l-omm ġabret lil binha mill-iskola, u rat l-istat li kien fih, b’ħafna demm fuq wiċċu u saħansitra bis-sinna tan-nofs maqlugħha, l-omm irrealizzat li t-tifel ma kienx waqa’. Kien hawnekk li binha qalilha li fil-fatt kien spiċċa mweġġa’ mit-tifel l-ieħor.

“Qed nibża’ nibgħat it-tifel tiegħi l-iskola – l-anqas fil-‘break’ ma jkun irid joħroġ jilgħab,” tiftaħ qalbha l-omm, li ssaqsi meta l-awtoritajiet tal-iskola se jieħdu l-passi u l-prekawzzjonijiet kollha neċessarji fil-konfront ta’ dan it-tifel li għandu storja twila ta’ guffaġni ma’ tfal oħra.

It-tifel mhux qed ikun irid joħroġ jilgħab fil-break

L-omm tirrakkonta l-mod kif ilha għal dawn l-aħħar jiem tipprova tikkuntattja l-Prinċipal tal-Kulleġġ biex tilmenta dwar dan il-każ. Anke’ ċemplet id-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex tiġbed l-attenzjoni li t-tifel tagħha huwa wieħed minn ħafna li spiċċa mweġġa’ mill-istess tifel.

Minkejja dan, sal-lum, l-omm għadha ma rnexxiliex tistabilixxi kuntatt la mal-iskola u l-anqas mal-prinċipal.

“X’qed jistennew qabel ma jieħdu azzjoni? Li jweġġa’ xi tifel ieħor b’mod aktar gravi?” tistaqsi l-omm, hi u tappella biex jittieħdu l-passi li hemm bżonn biex it-tfal ikunu jistgħu jattendu l-iskola b’mod sigur.

(Marilyn huwa isem fittizju biex tkun protetta l-identita’ tat-tifel)