Edukazzjoni Lokali Parlament

1,611-il każ f’sena skolastika quddiem Tribunal minħabba assenteiżmu

Bormla, San Pawl il-Baħar, il-Belt, Ħal Qormi, il-Ħamrun, Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ, il-Marsa u Birżebbuġa bl-aktar numru ta’ każi

Fl-aħħar sena sħiħa skolastika, bejn Settembru 2013 u Ġunju 2014, kien hemm 1,611-il każ ta’ ġenituri li ttellgħu quddiem Tribunal Reġjonali minħabba assenteiżmu ta’ wliedhom mill-iskola obbligatorja.

Din l-informazzjoni ta fil-Parlament il-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo, għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Kelliem għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja.

Jirriżulta wkoll li minn Marzu tal-2013 sal-aħħar tas-sena skolastika ta’ dik l-istess sena, kien hemm 905 każi oħrajn. Mill-bidu ta’ din is-sena skolastika f’Settembru, sa Diċembru li għadda, kien hemm 448 każ ieħor, b’dawn tal-aħħar għadhom se jidhru quddiem it-Tribunal.

Dawn ġew riferuti lit-Tribunal mis-Servizz ta’ Ħidma Soċjali fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudenti minħabba li t-tfal tagħhom fallew l-iskola mingħajr raġuni valida.

Il-lokalitajiet fejn l-aktar kien hemm każi ta’ assenteiżmu kienu Bormla, San Pawl il-Baħar, il-Belt, Ħal Qormi, il-Ħamrun, Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ, il-Marsa u Birżebbuġa.