Id-dibattitu dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni b’rabta mal-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel, se jsir fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej.
Il-qbil bejn Gvern u l-Oppożizzjoni ntlaħaq wara li l-Ispeaker ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex id-dibattitu dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni b’rabta mal-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel, isir nhar il-Ħamis li ġej.
L-Ispeaker qal f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta tal-lejla, li għalkemm it-talba tal-Oppożizzjoni biex id-dibattitu jsir il-Ħamis ta’ din il-ġimgħa hi ġusta, fin-nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, u fil-kuntest tal-Ordnijiet tal-Kamra, is-Sedja ma tistax tilqa’ t-talba biex id-dibattitu mitlub mill-Oppożizzjoni jsir nhar il-Ħamis li ġej għalkemm taqbel li kieku hemm qbil biex il-Parlament jiltaqa’ l-Ħamis li ġej, id-dritt hu tal-Oppożizzjoni biex tiddiskuti x-xogħol tagħha għaliex fl-aħħar seduta li saret fil-ġurnata tal-Ħamis, fis-17 ta’ Lulju li għadda, kien diskuss xogħol tal-Gvern.
L-Ispeaker appella biex ikun hemm diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra biex ikun hemm emendi għar-regolamenti li jirregolaw ix-xogħol tal-Kamra.
Dwar din il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni nhar it-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni hi determinati li tagħti vuċi lill-poplu Malti u Għawdxi biex jorħos il-prezz tal-petrol u d-diesel mill-aktar fis. Fisser li roħs ta’ erba’ ċenteżmi huwa daħk fil-wiċċ u mhux biżżejjed, u hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tinsisti li d-dibattitu fil-Parlament isir mill-aktar fis.
//= $special ?>