Fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti hemm aktar minn 4,000 student fil-livell primarju u sekondarju li jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex ilaħħqu u jkunu megħjuna fit-tagħlim akkademiku minħabba bżonnijiet speċjali li jvarjaw minn student għal ieħor.
Għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Kelliem għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja, il-Ministru Evarist Bartolo, responsabbli mill-Edukazzjoni u Xogħol, ta statistika dwar it-tfal bi bżonnijiet speċjali. Fil-livell primarju l-istudenti jlaħħqu total ta’ 2,263 u fl-edukazzjoni sekondarja 1,750.
Fl-iskejjel primarji tal-Gvern, hemm 1,548 studenti li jingħataw attenzjoni speċjali, b’529 minnhom b’għajnuna individwali; u 763 jingħataw għajnuna flimkien ma’ oħrajn fl-istess klassi. Fl-iskejjel primarji tal-Knisja, hemm 589 li jingħataw għajnuna speċjali u 126 fl-iskejjel primarji indipendenti.
L-istatistika fl-iskejjel sekondarji turi li huma 1,077 student li jingħataw għajnuna speċjali, bi 82 student għandhom għajnuna kontinwa fuq bażi full time; 167 student jingħata attenzjoni individwali u 344 jingħataw għajnuna flimkien ma’ oħrajn fl-istess klassi.
In-numru ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja hu ta’ 589 filwaqt li fl-iskejjel sekondarji indipendenti hu ta’ 84.
//= $special ?>